Elusive 2, il-Beneteau First 45 bil-kaptana l-aħwa Aaron, Christoph u Maya Podesta huwa r-rebbieħa tal-BOV Gozo Autumn Regatta 2023.
Organizzata mir-Royal Malta Yacht Club bejn l-10 u t-12 ta’ Novembru 2023, it-tellieq rat flotta ta’ 24 dgħajsa ittellaq mill-Port ta’ Marsamxett sal-Port tal-Imġarr f’Għawdex nhar il-Ġimgħa, segwita minn sensiela ta’ tiġrijiet round-the-cans ‘il barra minn Kemmuna s-Sibt u tispiċċa b’tellieqa lura lejn Malta l-Ħadd.
Elusive 2 ħadu l-vantaġġ kmieni fejn kienu l-ewwel li waslu l-Port tal-Imġarr u kisbu wkoll l-ewwel post bil-‘corrected time’ b’Geisha ta’ Stefan Debattista tieħu t-tieni post, segwita minn TonTon Laferla ta’ Jonathan Gambin. Id-direttur tat-tellieqa Martin Azzopardi agħżel korsa fil-Lvant ta’ Kemmuna għat-tlielaq tas-Sibt minħabba rjieħ pjuttost qawwija. Elusive 2 qatt ma’ ħallew l-ewwel post minn taħt idejthom u tbaħħir impressjonanti minn Jubatus ta’ Sean Borg rahom jaqbżu lil Geisha u jiksbu t-tieni post. Dawn it-tlett dgħajjes kisbu wkoll l-ewwel tlett postijiet fil-kategorija globali.
Fl-IRC2, Vivace ta’ Andrew Agius Delicata u Matthew Gabriele kisbu l-ewwel post fuq Ottovolante ta’ John Cachia West bit-tielet post imur għal Calypso tal-familja Ripard.
Id-diviżjoni tal-Cruisers rat lil Dimm ta’ Kevin Zammit Pisani u lil Janissah ta’ Mario Debono jtellqu ras’imb ras matul il-weekend kollu b’Dimm tegħleb lil Janissah b’punt wieħed biss. Ages of Gaia ta’ Francesca Corsetti ħadet t-tielet post.
Stefan Abela mid-Dipartiment tas-CSR tal-Bank of Valletta u l-Commodore tar-Royal Malta Yacht Club David Cremona ippreżenta l-BOV Gozo Autumn Regatta Trophy lill-kaptan ta’ Elusive 2 Maya Podesta flimkien ma’ premjijiet għad-dgħajjes kollha li ġew fl-ewwel 3 pożizzjonijiet f’kull kategorija. Din hija s-6 darba li Elusive 2 rebħu din it-tellieqa mill-bidu tagħha fl-2012.
L-appoġġ tal-BOV għall-BOV Gozo Autumn Regatta jifforma parti mill-impenn tal-Bank biex ikun ċittadin responsabbli tal-Komunità li jopera fiha filwaqt li jippromwovi stil ta’ ħajja b’saħħitħa permezz tal-isport.