Friday, May 3, 2024

Eman Cross mixli li hedded lil ommu u ġarr arma mingħajr liċenzja

Aqra wkoll

Eman Cross, żagħżugħ ta’ 20 sena, ġie mixli li heded lil ommu u s-sieħeb tagħha, kif ukol li għamel theddid u insulti li kienu jaqbżu l-limitu tal-provokazzjoni waqt argument domestiku.
Cross qed jaffaċċja wkoll akkużi li ġarr arma tan-nar mingħar permess u li wettaq dawn ir-reati waqt li kien taħt ordni ta’ probation.
Fil-bidu tas-seduta, l-Avukati Difensuri talbu għad-divjett fuq isem l-imputat, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-fatt li qalet li ma kien hemm l-ebda minuri involuti.
Il-Qorti qalet li ma taqbilx mal-ġustifikazzjoni mogħtija għat-talba, li kienet sabiex tipproteġi l-impjieg tar-raġel, anke minħabba l-fatt li l-uffiċjal tal-probation li qed isegwi lill-imputat, xorta waħda kellu jikkollabora ma’ min iħaddmu.
Kien għalhekk li l-Qorti qalet li ma tara l-ebda raġuni għalxiex kellha tordna d-divjett fuq isem l-imputat, iżda laqgħet it-talba fir-rigward ta’ min iħaddmu.
Cross wieġeb ħati għall-akkużi fir-rigward tal-armi u li kiser ordni ta’ probation, iżda wieġeb mhux ħati dwar l-akkużi relatati ma’ theddid.
Il-Qorti poġġietu taħt ordni ta’ superviżjoni temporanja flimkien ma’ ordni ta’ trattament. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €10,000. Il-Qorti ordnatlu biex iżomm il-paċi ma’ familtu jew inkella jaffaċċja multa separata ta’ €500.
B’referenza għal ommu u s-sieħeb tagħha, il-Qorti kienet ċara: “Ma tistax tkellimhom jew tavviċinahom. Tal-inqas għalissa. Jekk tikser dan id-digriet, tista’ tiġi mmultat sa €7,000 jew ħabs sa sentejn jew il-multa u l-piena flimkien.”
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar. L-Avukati Gianluca Caruana Curran, Charles Mercieca u Ana Thomas dehru għal Eman Cross.

Sport