Monday, November 18, 2024

Emenda fil-liġi dwar l-infurzar tal-e-scooters u diskussjonijiet b’rabta ma’ żoni adattati għall-parkeġġ 

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem komplew l-ilmenti b’rabta mal-użu irresponsabbli tal-iscooters, u kienu ħafna dawk li saħqu fuq il-bżonn li jkun hemm aktar regoli stretti u infurzar f’dan ir-rigward.

Dawk li huma favur dan il-mezz alternattiv ta’ trasport li huwa meqjus li jżid l-effiċjenza filwaqt li jnaqqas it-tniġġiż sostnew li mhux qegħdin jingħataw widen għall-karba għal titjib fin-network tat-toroq tagħna u anke parkeġġ adekwat għalihom. Min-naħa l-oħra kien hemm persuni li lmentaw li dawn li jagħmlu użu minn dawn l-iscooters qegħdin jonqsu milli josservaw ir-regolamenti tat-traffiku u jikkawżaw periklu fit-toroq.

F’kummenti lil talk.mt, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia qalilna li fl-aħħar xhur kien qiegħed jiltaqa’ ma’ stakeholders prinċipali biex jifhem iktar kif se jkun qed jirrevedu l-prattiċi preżenti, ir-regolamenti li hemm, l-isfidi u l-opportunitajiet li l-e-scooters iġibu magħhom. Il-Ministru Farrugia saħaq li dan kien eżerċizzju li beda sa mill-ewwel ġranet tiegħu f’dan il-portafoll.

Bħalissa, huma biss il-Pulizija u l-LESA li għandhom is-setgħa li jinfurzaw il-liġijiet fil-konfront ta’ sewwieqa tal-e-scooters. B’hekk, se tkun emendata l-liġi biex Transport Malta fiż-żmien li ġej tibda hi wkoll bħala awtorità tinforza l-liġijiet. 

Transport Malta għadejja wkoll b’diskussjonijiet biex jiġu determinati żoni addattati għall-parkeġġ u li fihom ikun hemm faċilitajiet biex dawn l-escooters jiġu iċċarġjati.

“B’hekk mhux biss se nkunu qed inżidu is-sigurta’ fit-toroq, imma qed naraw li nagħmluha aktar faċli biex ikun hemm aktar scooters x’jintużaw mis-sewwieqa”

Il-Ministru Farrugia

Sadanittant, il-Malta Guide Dogs Foundation, li tgħin persuni neqsin mid-dawl biex isiru indipendenti fil-mobilità tagħhom permezz tal-użu tal-bastun abjad u l-kelb gwida, esprimew it-tħassib tagħhom għall-mod kif jintużaw l-iscooters f’pajjiżna. 

Il-Fondazzjoni qalet li temmen li l-introduzzjoni tal-iscooters f’Malta tista’ titqies bħala żvilupp pożittiv dment li ir-regoli applikabbli għall-użu tagħhom ikunu mtejba u infurzati kif suppost. Madankollu, qalet li dan ma kienx il-każ sa issa, kif jidher minn bosta lmenti li waslu mingħand persuni neqsin mid-dawl.

“Fil-fatt, is-sewqan perikoluż u l-abbandun bi traskuraġni ta’ scooters jikkawżaw inaċċessibilità u jirrappreżentaw periklu serju għall-persuni neqsin id-dawl, li jimxu waħedhom bl-appoġġ ta’ bastun abjad jew kelb gwida,” qalet il-Fondazzjoni.

Hija pproponiet fost oħrajn li dawn l-iscooters jibdew jagħmlu ħoss meta jkunu qed jintużaw, biex javżaw bil-preżenza tagħhom lil min ma jarax. Qalet ukoll li l-iscooters m’għandhomx jitħallew fejn ġie ġie f’żoni pedonali li jimblokkaw it-triq. 

Finalment ħeġġet lill-awtoritajiet biex isaħħu l-infurzar u jaraw li l-użu ta’ dan il-mezz ta’ trasport ma jfixkilx is-sigurtà u l-indipendenza tal-persuni neqsin mid-dawl. 

Ekonomija

Sport