Sunday, December 22, 2024

EMENDA LI TAFDA F’IDEJN IL-PROFESSJONISTI MEDIĊI

Aqra wkoll

L-ikbar problema hija meta ma nindunawx li hemm problema jew agħar minn hekk li ma nammettux li hemm problema u nibdew naħdmu fuqha biex minflok inġebbduha, nippruvaw nibdew insolvuha. Il-poplu Malti u Għawdxi issa ilu numru ta’ snin, elezzjoni wara l-oħra jibat messaġġ lill-Partit Nazzjonalista li m’għadx hemm lok għal negattività kontinwa fil-politika tiegħu. Fl-aħħar elezzjoni f’Mejju li għadda l-poplu ta l-ikbar mandat elettorali fl-istorja ta’ pajjiżna lil dan il-gvern li fil-wegħdiet tiegħu tkellem ċar li se jibqa’ favur ir-riformi li hemm bżonn biex ċertu liġijiet li joffru vacuum f’sitwazzjonijiet kritiċi, jiġu emendati u fejn u possibbli jitwaqqfu l-inġustizzji ma’ faxex ta’ nies li qed ibatu minn preġudizzji u pressjonijiet f’soċjetà li sippost għandha tkun waħda inklussiva u li toffri opportunitajiet ugwali lil kulħadd.

Sal-bieraħ stess bdiet tiġi diskussa l-emenda li tiċċara li meta l-professjonisti mediċi jaqblu li t-tqala għandha tkun itterminata minħabba kumplikazzjoni medika li tkun tista’ tqiegħed ħajjet l-omm f’riskju jew saħħa ta’ periklu gravi, din it-terminazzjoni ma titqiesx bħala reat. Dan ifisser ukoll li l-artikoli li diġà jeżistu fil-Kodiċi Kriminali dwar l-abort se jibqgħu hemm. Intant l-Oppożizzjoni issa ilha jiem sħaħ topponi għal din l-emenda u ssostni li din hija liġi li permezz tagħha ser jidħol l-abort f’pajjiżna. Fid-diskors tiegħu tal-Ħadd waqt intervista fuq One Radio l-Prim Ministru tkellem b’mod esklamattiv li din l-emenda bl-ebda mod mhi se tħalli l-abort jiġi legalizzat f’pajjiżna. Sostna dwar il-problema tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li minkejja l-mandat b’saħħtu tal-poplu favur gvern Laburista, ’il bogħod mill-politika ta’ Grech, dan tal-aħħar qiegħed jagħżel li jibqa’ jsabbat saqajh u jirraġuna li jew tgħaddi tiegħu u jsir kif irid hu jew xejn.

Min-naħa l-oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed jisħaq li din mhix sitwazzjoni ta’ lewn politiku, iżda waħda li għandha tagħti valur lill-ħajja mill-konċepiment sal-aħħar nifs. Madanakollu, Grech jagħżel li juża dan is-suġġett biex jattakka lill-Partit Laburista u jsostni li din l-emenda qiegħda turi l-qasma fih. Mhux biss… Grech isostni li din l-emenda mressqa turi li qiegħda tgħaddi tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. 

Filwaqt li ntennu l-impenn tagħna favur il-ħajja, nemmnu li għadu wisq kmieni biex nikkundannaw jew ninkurunaw din l-emenda. Li hu żgur s’issa huwa li minn sitwazzjoni li għexna fl-aħħar xhur jirriżulta biċ-ċar li trid tittieħed deċiżjoni. Il-każ tal-koppja barranija li talbet li tittermina t-tqala f’pajjiżna minħabba li hi sostniet li kienet f’periklu inxtered ma’ diversi pajjiżi u mal-istorja nxtered il-vacuum li hemm fil-liġi f’każijiet partikolari fejn ħarġet ċar li pajjiżna nħakem minn kaos ta’ min se jiddeċiedi, jerfa’ r-responsabbiltà u biża’ sfaċċata. 

Nemmnu però li din hija emenda li se tafda f’idejn il-professjonisti mediċi tagħna li skont il-valuri ta’ pajjiżna ma’ nemmnux li se mmorru fid-direzzjoni msemmija mill-Oppożizzjoni li sfortunatament fl-aħħar snin inħakmet minn politika ta’ negattività li s’issa mhux qiegħda turi sinjali ta’ titjib għall-Partit Nazzjonalista. Eżempju wieħed biss ikun il-pożizzjoni negattiva tagħha fi żmien il-Covid u t-talba kontinwa tagħha biex pajjiżna jmur għal lockdown. Filwaqt li llum pajjiżna baqa’ juri sinjali ta’ rkupru ferm pożittivi, deċiżjoni bħal dik setgħet twassal biex illum qegħdin nitkellmu f’sitwazzjoni kompletament differenti.  

Ekonomija

Sport