Friday, December 20, 2024

EMENDI FIL-LIĠI TAL-IVF LI SE JFERRĦU AKTAR ĠENITURI

Aqra wkoll

B’konformità sħiħa mal-wegħda elettorali tal-Gvern Laburista li fl-ewwel 100 jum iressaq emendi għal-liġi tal-IVF, fil-Parlament tressqu l-emendi proposti li l-għan tagħhom hu li aktar persuni jkollhom wild. Minkejja l-aspett pożittiv ta’ emendi bħal dawn, jidher li hemm min qed idaħħal id-dubji dwar l-etika f’dan il-proċess.

Wieħed irid ifakkar illi kemm ilu li daħal il-proċess ta’ prokreazzjoni assistita diġà twieldu 404 trabi. Dawn il-wild ġodda fissru ferħ kbir għal dawk il-persuni li permezz ta’ dan il-proċess saru ommijiet u missirijiet. 

Fil-ġimgħat li ġejjin mistennija jgħaddu mill-proċess parlamentari l-emendi fil-liġi tal-IVF li se jkomplu jagħtu opportunità lil aktar koppji jsiru ġenituri. Dawn l-emendi se jfissru wkoll soljev finanzjarju għal min jiddeċiedi li jirrikorri għal dan il-proċess billi l-ispejjeż kollha involuti fil-proċess u anke f’dak li huma mediċini se jkunu finanzjati kollha mill-Gvern.

Nemmnu li pajjiżna ma setax ma jilleġiżlax f’dan ir-rigward meta dan il-proċess ta’ prokreazzjoni assistita ilu snin twal jiġi prattikat f’pajjiżi oħra mhux fl-inqas f’pajjiżi Ewropej. 

Wieħed jinnota wkoll li b’dawn l-emendi se jonqos ferm l-iskariġġ li persuna jkollha ssiefer lejn pajjiż ieħor biex twettaq l-IVF. B’dan il-mod ukoll dawn il-persuni se jkunu jistgħu jagħmlu dan il-proċess f’pajjiżna stess, xi ħaġa li dan il-Gvern kontinwament kien qed jisħaq fuqha wara li sema’ l-karba ta’ ħafna persuni li għal xi raġuni jew oħra ma setax ikollhom ulied b’mod naturali. 

Fattur pożittiv ieħor huwa li bl-emendi l-ġodda se jiżdiedu ċ-ċikli tal-IVF mingħajr ħlas billi tinbidel id-definizzjoni ta’ ċiklu. Apparti hekk, l-età tan-nisa eleġibbli se titla’ minn 42 sena sa jum qabel il-mara tagħlaq is-46 sena f’każ ta’ Oocyte retrieval. Embryo Transfer jista’ jsir sa jum qabel il-mara tagħlaq 49 sena.

Dan se jagħti opportunitajiet akbar lil dawk in-nisa lil dawn in-nisa f’din il-faxxa ta’ età. Dan kollu huwa frott il-progress teknoloġiku fis-settur mediku u b’sodisfazzjon ngħidu li pajjiżna mhux se jibqa’ lura biex jagħmel użu minn teknoloġiji bħal dawn biex jilqa’ għad-diffikultajiet li jistgħu jħabbtu wiċċhom magħhom diversi setturi fis-soċjetà Maltija. 

Ekonomija

Sport