L-istqarrija maħruġa mill-Kamra tal-Avukati b’reazzjoni għar-riforma fl-inkjesti maġisterjali allegatament ma kellha x’taqsam xejn ma’ dak propost minn grupp ta’ avukati esperti fis-settur, mhux biss fil-kontenut imma anke t-tonalità. Ir-reazzjoni preparata minn dan il-grupp ta’ esperti allegatament ma sabitx id-dawl tax-xemx għax ġiet imwaqqfa mill-Kunsill tal-kamra tal-Avukati presedut mill-Avukat Peter Fenech.
Grupp ta’ Avukati li jispeċjalizzaw fil-kamp kriminali u li jifformaw parti mill-Kamra tal-Avukati allegatament intalbu janalizzaw u jipproponu x’pożizzjoni kellha tieħu l-Kamra dwar ir-riforma fl-inkjesti.
Ir-reazzjoni inizjali allegatament kienet li l-Kamra kienet qed tilqa’ l-emendi fil-proċeduri Kriminali mmirati biex jirriformaw l-inkjesti Maġisterjali.
Fil-maġġor parti tagħhom huma pożittivi u meħtieġa
Allegatament hekk kienu deskritti b’mod ġenerali l-emendi inklużi fl-abbozz ta’ liġi li preżenta l-Gvern. Dan filwaqt li komplew jelaboraw fuq dak propost.
Jingħad kif huma jaqblu li l-emendi tal-Gvern jistabbilixxu regoli u kriterji ta’ kif għandha tinbeda u titmexxa inkjesta. Dan biex jiġu evitati ċerti abbużi fis-sistema fejn inkjesti jiġu mitluba mingħajr “provi ammissibbli”.
Ir-reazzjoni tagħhom allegatament kienet imsejsa fuq il-fatt li l-inkjesti, kif inhi s-sistema illum qed jibqgħu għaddejjin għal snin sħaħ mingħajr ġustifikazzjoni; il-vittmi ma għandhomx aċċess għal x’inhu jiġri waqt l-inkjesta; fejn esperti allegatament jiġu nominati mingħajr verifika meħtieġa u mingħajr kontroll fuq il-ħlasijiet u spejjeż minnhom inkorsi, anke jekk jiswew il-miljuni.
X’ingħad dwar l-esperti tal-Qorti?
Dwar l-esperti u dak li qed ikun proposti fir-riforma, allegatament l-Avukati membri tal-Kamra li jispeċjalizzaw fil-kamp kriminali jgħidu li l-abbozz jirrifletti s-suġġerimenti li minn żmien għal żmien saru mill-istess Kamra tal-Avukati rigward l-esperti “minħabba abbużi tas-sistema u nuqqas ta’ kontrolli fuq il-kompetenza, integrità u rati tal-istess esperti”.
Din il-pożizzjoni allegatament ma kinetx riflessa fl-istqarrija maħruġa finalment mill-Kamra tal-Avukati, fejn pjuttost tkellmu dwar restrizzjonijiet imposti u li jsibu diffikultà jaċċettaw dak proposti rigward il-ħlasijiet tagħhom.
Hawn ta’ min jirrimarka l-fatt li l-istess President tal-Kamra tal-Avukati Peter Fenech huwa wkoll l-avukat li jirrapreżenta lill-espert Jeremy Harbinson, li jinsab fiċ-ċentru ta’ kontroversja legali wara li qed jirrifjuta li jiġi jixhed fuq ir-rapporti tiegħu bħala espert fl-inkjesta tal-isptarijiet u dan minkejja li tħallas il-miljuni.
F’dan ir-rigward iqumu mistoqsijiet serji dwar l-involviment tal-Avukat Peter Fenech bħala rappreżentant legali ta’ Jeremy Harbinson u l-President tal-Kamra tal-Avukati li allegatament icċensurat il-pożizzjoni espressa mill-Avukati membri tagħha li jispeċjalizzaw f’dan il-qasam.
It-Termini tal-inkjesta
Il-Kamra tal-Avukati fl-istqarrija uffiċjali tagħha qalet li mhuwiex fl-interess tal-ġustizzja, li inkjesta tingħata terminu, b’tali mod li rriflettit il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista u tal-għaqdiet estremi forċina tiegħu.
Din il-pożizzjoni allegatament ma kienet b’ebda mod rifless fil-pożizzjoni interna espressa mill-Avukati membri tal-Kamra speċjalizzati fil-Kriminal, li għal kuntrarju allegatament fissru bħala “pass pożittiv illi l-liġi tfassal termini li fiha l-Inkjesta Maġisterjali trid tingħalaq”, l-istess kif kellhom kliem ta’ tifħir għal fatt li persuna meqjusa bħala suspettata, se tingħata konferma bil-miktub f’każ li din ma jinstab xejn fil-konfront tagħha. Dan anke fid-dawl tal-fatt li persuna li tiġi mperċa mal-erbat irjiħat li hija suġġett ta’ inkjesta ssib difikultà kbira biex tkompli bil-ħajja familjari u professjonali tagħha. Dan filwaqt li ntlaqgħu wkoll b’mod pożittiv il-jedd tal-avukat u d-‘disclosure’.
Ebda xkiel taċ-ċittadin
Fit-test oriġinali allegatament ma kien ebda referenza għax-“xkiel taċ-ċittadini” li tirreferi għalih l-istqarrija uffiċjali tal-Kunsill tal-Kamra ta’ Peter Fenech.
Għal kuntrarju jfissru bħala pożittiv, li denunzja, kwerela jew rapport ghandha ssir dejjem lill-Pulizija Eżekuttiva, bid-dritt lill-Qorti Kriminali tindaga hi dwar ix-xogħol li tkun wettqet il-pulizija fil-kors tal-investigazzjoni taghha.
Kritika oġġettiva
L-Avukati speċjalizzati fil-kriminal ressqu wkoll kritika oġġettiva ta’ kif l-abbozz propost għandu jkompli jissaħħaħ, inkluż fejn ikun hemm skop ta’ stħarriġ ulterjuri mill-Qorti Kriminali u l-ħtieġa illi jkun hemm jedd ta’ appell mid-deċizjoni tal-Qorti Kriminali wara li tkun esprimiet ruħha, liema dritt ikun kemm għas-suspettat kif ukoll ghall-vittma.
Trattaw ukoll b’mod differenti l-kwistjoni tal-provi, fejn filwaqt illi esprimew qbil illi talba għall-ftuħ ta’ inkjesta għandha tkun ibbażata fuq provi ammissibbli, issuġgerew li jkun hemm rikonsiderazzjoni fuq il-bażi ta’ probabbiltà.
Allegatament kuntrarjament l-istqarrija uffiċjali rriflettiet il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista, fejn qalet li l-prova neċessarja għandha tkun dik ta’ suspett. Dan filwaqt li daħlet fuq il-kwistjoni ta’ ‘hearsay evidence’, xi ħaġa li l-abbozz ma jirriferi mkien għalih. Kienu qalu li għandu jiftaħ inkjesta fuq dak li jisma’ fil-każini, u l-kwistjoni li qajjem l-eks Prim Imħallef Silvio Camilleri.