Thursday, May 15, 2025

EMENDI LI JSAĦĦU AKTAR IL-ĠUDIKATURA

Aqra wkoll

Dan il-Gvern se jibqa’ magħruf għall-għadd kbir ta’ riformi li ressaq biex pajjiżna jkompli jimmodernizza l-mekkaniżmi kollha tal-istat. Dan se jkun il-legat li se jħalli warajh dan il-Gvern tul dawn l-aħħar 12-il sena. Waħda mill-akbar riformi hija dik fil-qasam tal-ġustizzja li fiha, barra r-riformi li diġà saru, hemm ukoll emendi għall-Kostituzzjoni biex l-età tal-ġudikanti, maġustrati u Mħallfin titla’ għal 70 sena. Ma’ dan ukoll se tinħatar persuna li tissorvelja l-ġudikanti u l-imġiba tagħhom, inkluż dik tal-Prim Imħallef. 

Parti minn din ir-riforma kien wera l-ħtieġa tagħha l-Prim Imħallef Mark Chetcuti fl-2023 li kien ippropona struttura ta’ monitoraġġ għal dixxiplina interna fuq il-ġudikatura. Dan kien għamlu fid-diskors tiegħu fil-ftuħ tas-Sena Forensi. Għandna għax nifhmu li dawn ir-riformi se jinżlu tajjeb mal-poplu billi l-Gvern ikkonsulta mal-Oppożizzjoni bil-għan li jkun hemm qbil sabiex jgħaddu dawn l-emendi kostituzzjonali li jirrikjedu ż-żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Dan kien pass ieħor fit-tkomplija tar-riforma ħolistika li qed issir fil-qasam tal-ġustizzja li mistennija ssaħħaħ aktar il-fiduċja tal-poplu fil-Qrati Maltin u l-operat tagħhom. Dan għax niftakru fi żminijiet fejn il-poplu kien jirraġuna li fil-Qorti jaqbillek tidħol meta għandek tort. Turija tan-nuqqas li l-poplu kellu fil-Qrati tagħna.

L-emendi kif proposti kienu ssemmew għall-ewwel darba f’Settembru li għadda mill-Ministru għall-Ġustizzja fejn kien qal illi l-liġi li se tiġi ppreżentata fil-Kabinett kellha l-għan li ssaħħaħ il-proċeduri dixxiplinarji. Il-Ministeru kien analizza s-sitwazzjoni fil-qasam ġudizzjarju u fittex metodi biex ikun hemm kontabbilità akbar. 

Ta’ sodisfazzjon ninnutaw illi l-għaqda tal-Imħallfin u l-Maġistrati wrew ir-rieda li jinvolvu ruħhom f’dawn ir-riformi u lesti jikkoperaw biex l-għanijiet tagħhom jintlaħqu. Dan kollu aktarx se jirrifletti li l-poplu se jkun favur dawn ir-riformi.

Riformi bħal dawn intenzjonati li jsaħħu l-ġudikatura huma dejjem meħtieġa f’demokrazija parteċipattiva u attiva. Il-ġudikatura hija wieħed mit-tliet pilastri ewlenin tad-demokrazija u jekk il-ġudikatura tfalli fl-operat tagħha, tikkollassa d-demokrazija. 

Għalhekk nittamaw li dawn l-emendi proposti jiġu approvati miż-żewġ naħat tal-Kamra bi skop wieħed li mill-ġustizzja ma jsirx ballun politiku.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport