Bl-emendi li qed ikunu diskussi fil-Parlament għal-Liġi dwar it-Tribunal għat-Talbiet iż-Żgħar se tkompli tonqos il-pressjoni ta’ kawżi fuq il-Maġistrati li mhux se jibqgħu jisimgħu kawżi dwar ammonti bejn il-€5,000 u l-€10,000.
Dan intqal fil-Parlament mill-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi meta kien qed jitkellem fil-Parlament fl-istadju tat-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi dwar it-Tribunal għat-Talbiet iż-Żgħar. Huwa fakkar li quddiem dan it-Tribunal isiru biss dawk magħrufa bħala “money claims”, jiġifieri meta xi ħadd ikun qed jitlob ħlas mingħand xi ħadd ieħor minħabba nuqqas ta’ tħaris tal-obbligi li jkunu ftehmu. Il-ġudikant kien sempliċiment jisma’ liż-żewġ naħat u jara li fid-deċiżjoni tiegħu jsib dak il-bilanċ li jkun jidhirlu li huwa l-aktar ġust.
Filwaqt li fakkar kif meta saret din il-liġi fl-1995 il-kompetenza ta’ dan it-Tribunal kienet biss li jisma’ kawzi sa ammonti ta’ mitt lira Maltin, aktar tard kienu saru emendi biex din il-kompetenza żdiedet għal €5,000. Huwa fakkar ukoll li sal-lum dawn il-kawżi quddiem it-tribunal kienu jinqatgħu skont il-principju tal-ekwità, jiġifieri il-ġudikant jisma l-kawża mingħajr il-formalitajiet tal-liġi li jiġu segwiti quddiem qrati oħra.
Skont l-emendi li qed jiġu diskussi issa, qal il-Ministru Zrinzo, minħabba li qed tiżdied il-kompetenza ta’ dan it-tribunal għal smiegħ ta’ kawżi sal-ammont ta’ €10,000 ġie deċiż li meta l-ammont jaqbeż l-€1500, il-kawżi ma jibqgħux jiġu deċiżi skont l-ekwità imma skont dak li titlob il-liġi.
Il-Ministru qal ukoll li b’dawn l-emendi, il-Gvern mhux sempliċimenti qed jgħolli l-ammont tal-kompetenza tat-tribunal imma hemm għadd ta’ emendi konsegwenzjali għax kien meħtieġ li ssir distinzjoni li tiċċara ħafna aktar il-prinċipji dwar kif għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet f’dan it-tribunal. Sa qabel dawn l-emendi, il-ġudikant kien jimxi biss skont il-liġi meta jiġi biex jiddeċiedi kwistjonijiet tal-preskrizzjoni. Minn issa ‘l quddiem, meta l-ammont tal-kawża jaqbeż l-€1,500 il-ġudikant irid jimxi skont il-liġi.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi issuġġerixxa li fid-dawk tal-emenda dwar il-kompetenza fi klawsola 7 tal-liġi huwa meħtieġ li l-Ministru u l-esperti tiegħu jaraw ukoll xi tgħid klawsola 6 biex ma jkun hemm xejn fi klawsola li jikkontradixxi dak li tgħid klawsola oħra. Proceduralment qed naghmlu distinzjoni importanti
Il-Ministru għamel ukoll suġġeriment biex filwaqt li min jagħti avviż li se jappella minn sentenza tat-tribunal jibqa’ jinforma lill-ġudikant minnufih, b’sens ta’ ġustizzja hawn ukoll ikollu 20 ġurnata biex idaħħal l-appell.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar dak li hemm fil-liġi li persuni li jidhru quddiem dan it-tribunal jistgħu jagħżlu persuna legali li tirrappreżentahom jew anke jagħżlu persuna mhux legali jew saħansitra jirrappreżentaw lilhom infushom. Il-Ministru qal li issa li qed tiżdied sew il-kompetenza ta’ dan it-tribunal il-Ministeru għandu jara li jinħoloq xi forma ta’ handbook li jkun punt ta’ riferenza ta’ informazzjoni li jfiehem sewwa kif ikunu se jimxu l-affarijiet quddiem dan it-tribunal. Dan għandu jsir biex meta wieħed jistqasi għal informazzjoni jkun hemm test user friendly li jfiehem kif se jiġru l-affarijiet u għaliex m’ghandekx tqabbad persuna legali biex tidher għalik jew inkella tagħżel li tidher int biex tiddefendi lilek innifsek.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi temm ifakkar li t-Tribunal ħa jibqa’ jissemma bħala t-Tribunal għat-Talbiet iż-Żgħar imma b’poteri ferm akbar illi kellu qabel. Huwa għalhekk li għandna nagħmlu dak kollu meħtieġ biex naraw li l-amministrazzjoni tal-ġustizzja issir bl-ahjar mod possibbli skont il-liġi jew skont l-ekwità skont xi jkun il-każ.