Wednesday, January 8, 2025

Emilia Pérez jirbaħ 4 Golden Globes

Box Office

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Wara bidu inċert, il-prequel għal “The Lon King”, “Mufasa” jidher li issa rebaħ il-qlub tal-udjenzi u għat-tieni ġimgħa konsekuttiva kien il-film numru wieħed fil-box office Amerikana.  Fi tmiem il-ġimgħa, id-dħul kien ta’ $24 miljun oħra biex mit-teatri Amerikani laħaq iċ-ċifra ta’ $168 miljun.  Dan il-film li sewa aktar minn $200 miljun, issa laħaq iċ-ċifra ta’ $476 miljun mill-pajjiżi kollha fejn ħareġ għall-wiri.

Fit-tieni post tal-box office Amerikana ta’ tmiem il-ġimgħa, wieħed isib “Sonic the Hedgehog 3”.  Għall-kumpanija Paramount, din il-franchise dwar qanfud blu, diġa ġabitilhom aktar minn biljun dollaru.

Hi normali li l-udjenzi matul ix-xahar ta’ Jannar jonqsu.  “Nosferatu”, “Moana 2” u “Wicked” huma t-tliet films l-oħra li jokkupaw in-naħa ta’ fuq tal-box office.

Golden Globe Awards

Sbieħ it-Tnejn (ħin lokali) saret iċ-ċeremonja tal-Golden Globe Awards li matulha kien hemm taħlita ta’ rebbieħa li kienu mistennija imma kien hemm sorpriżi kbar.

“Gladiator II” li kien innominat għal tnejn baqa’ b’idejh vojta. “Emilia Pérez” kompa għaddej bir-rebħ ta’ aktar unuri.  B’kollox rebaħ 4 Golden Globes għall-aħjar film mużikali/komiku, film mhux bil-lingwa Ingliża, attriċi f’parti sekondarja (Zoe Saldaña) u kanzunetta.

Imma għal dawk li huma unuri ewlenin, kien “The Brutalist” li kellu l-akbar suċċess meta rebaħ għall-aħjar film drammatiku, direttur (Brady Corbet) u attur (Adrien Brody).

L-unuri għan-nisa f’partijiet prinċipali offrew sorpriżi kbar.  Għal films drammatiċi rebħet Fernanda Torres (I’m Still Here) u għall-films mużikali/komiċi rebħet Demi Moore (The Substance).  Sorpriżi ukoll kienu r-rebħ ta’ Sebastian Stan (A Different Man) għal attur prinċipali ġo film mużikali/komiku u sorpriża akbar ir-rebħ ta’ Kieran Culkin (A Real Pain) bħala attur f’parti sekondarja.

Maria

“Maria” hu t-tielet film-ritratt ta’ ikona feminili tas-seklu 20 li qed jagħtina d-direttur Pablo Larrain.  Fl-2016 tana “Jackie” dwar Jacqueline Kennedy, mart il-President John F. Kennedy.  Fl-2021 tana “Spencer” dwar il-Prinċipessa Diana.  Il-film “Maria” hu dwar is-soprana ċeleberi Maria Callas. 

Il-ħasra hi li fit-tlieta li huma, Larrain jieħu wisq l-attitudni ta’ fatalista.  Fit-tlieta li huma jpoġġi lil dawn in-nisa f’djar elaborati imma li jagħtuk l-impressjoni li qishom jgħixu f’gaġġa bħala priġuniera.

In-narrattiva fuq script oriġinali ta’ Steven Knight, teħodna fl-aħħar ta’ ħajjet Callas (Angelina Jolie) matul is-snin sebgħin, waqt li kienet qegħda tgħix f’Pariġi.  Il-film jibda appuntu dak in-nhar li mietet, fis-16 ta’ Settembru 1977.

Peremzz ta’ flashback, il-film jeħodna ġimgħa qabel, b’ħafna min-narrattiva tiżviluppa propju f’dawk l-aħħar jiem ta’ ħajjitha.  Tkun qed tieħu ħafna mediċini, li wħud minhom tkun qed takkwisthom illegalment.  

Kellha il-qaddejja Bruna (Alba Rohrwacher) u x-xufier Feruccio (Pierfrancesco Favino) li kienu leali lejha. 

Angelina Jolie kienet taf li biex taħdem din il-parti, riedet xhur ta’ taħriġ għax id-direttur ried jevita lip-synchronization.  It-taħriġ beda 7 xhur qabel.  Fuq kull aria li tinterprita, ħadet xahar sħiħ ta’ taħriġ. Kellha fost l-oħrajn soprana li tatha t-taħriġ kif tieħu n-nifs u anke l-qagħda trid tieħu.  

“Maria” hu kklassikat 15 minħabba użu ħażin tad-droga, referenzi għas-sess, u xi xeni fejn jintuża lingwaġġ mhux xieraq.

We Live In Time

Drama romantika b’saħħitha dejjem tkun b’riżultat tal-chemistry li jkun hemm bejn l-atturi ewlenin.  Fil-każ ta’ Florence Pugh u Andrew Garfield jidher li din il-chemistry bejniethom kienet hemm.

“We Live In Time” hu film ieħor romantiku nfluwenzat mill-formula tal-film klassiku “Love Story” li konan rajna fl-1970 fejn l-imħabba bejn tnejn tiġi mħarbta meta l-mara timrad.

Almut (Pugh) u Tobias (Garfield) isiru jafu xulxi wara li Almut ittajjar lil Tobias bil-karozza tagħha.  Imma Tobias li jkun għadu kif iddivorzja lil martu, isib imħabba ġdida ma’ Almut u flimkien jibnu familja.  Sfortunatament, il-ħajja kienet kattiva ma’ Almut.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ John Crowley, din id-drama romantika hi kklassifikata 15 minħabba xeni ta’ sess u lingwaġġ goff.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport