Saturday, November 23, 2024

Emirates tisħaq li jinħtieġu 18-il xahar qabel it-talba għall-ivvjaġġar terġa tiġi lura għan-normal

Aqra wkoll

Il-linja tal-ajru Emirates illum qalet li mill-inqas 18-il xahar se jkunu meħtieġa biex l-ivvjaġġar jerġa’ jieħu xeħta ta’ normalità. Dan minkejja t-tħabbir ta’ profitti sostanzjali għall-perjodu qabel il-pandemija tal-coronavirus.

Il-linja tal-ajru li topera minn Dubaj, l-akbar fil-Lvant Nofsani, iġġreġistrat profitti netti ta’ $288 miljun għas-sena finanzjarja li ġiet fi tmiemha f’Marzu li għadda. Dan ifisser żieda ta’ aktar minn $50 miljun mill-$237 irreġistrati s-sena preċedenti.

Din kienet ukoll it-32 sena għal Emirates li rreġistrat profitti, li topera flotta ta’ 115-il ajruplan tat-tip Airbus A-380, u 155 ajruplan tat-tip Boeing-777.

Emirates issospendiet it-titjiriet kollha fit-22 ta’ Marzu li għadda, qabel ma bdiet topera wħud mit-titjiriet ġimagħtejn wara.

Intant il-kap tal-Grupp emirates, ix-Sheikh Ahmed bin Saeed al-Maktoum, qal li l-linja tal-ajru kellha operat b’saħħtu matul l-ewwel 11-il xahar tas-sena fiskali.

“Madankollu minn nofs Frar l-affarijiet inbidlu f’ħakka t’gajn hekk kif il-pandemija tal-Covid-19 effettwat lid-dinja kollha,” huwa qal fi stqarrija.

“Nistennew li jinħtieġ perjodu ta’ mill-inqas 18-il xahar qabel ma t-talbiet għall-ivvjaġġar jerġa’ jiġi lura għan-normal,” huwa temm jgħid.

Sport