Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet billi kont insegwi logħob tal-futbol lokali u internzzjonali, fejn minn etá żgħira kont nitla’ nsegwi l-klabb tal-Hamrun u ta’ kull tmiem il-ġimgħa kont insegwi l-klabb tal-Manchester United, u proprju f’dawn il- logħob bdejt ngħix l-emozzjoni tal-logħba li tant inħobbu, u minn hemm ‘l hemm din ġiet parti mill-identitá tiegħi. Iktar ‘il quddiem imbagħad bdejt nuri iktar interess fuq l-istrateġija li jużaw kowċis ta’ fama mondjali bħal Pep Guardiola u Jose Mourinho u kont nipprova nirreplika dak li jagħmlu fuq logħob tal-kompjuter bħall-Football Manager.
Komplejt insaħħaħ l-imħabba tiegħi għall-futbol meta ngħaqadt man-Nursery tal- Hamrun sabiex nassisti f’etajiet żgħar u minn hemm żviluppajt passjoni kbira sabiex nagħti lit-tfal li naħdem magħhom spazju fejn jistgħu jieħdu gost u jiżvilupaw valuri li jistgħu jużaw f’kull aspett ta’ ħajjithom.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti bħala Assistant Coach tat-tim tal-U17 ta’ San Ġwann FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ San Ġwann bdiet din l-istaġun, wara erba’ staġuni fil- grassroots ma’ Hamrun u Swieqi rispettivament. Nixtieq ngħid grazzi lill-Head Coach Sandro Zammit Fava talli emmen fil-kapaċitijiet tiegħi u tani l-esperjenza li naħdem f’din in-Nursery li storikament dejjem ħarget talent ta’ livell. Nista’ ngħid li l-esperjenza tiegħi hija waħda pożittiva fejn nieħu gost naħdem flimkien mal- kowċ Luke sabiex ngħinu plejers li qegħdin f’punt importanti f’ħajjithom sabiex jikbru fil-karattru u fil-kapaċitajiet kalċistiċi tagħhom.
X’taħseb li huwa s-sigriet tas-suċċess li t-tim tal-kbar ta’ San Ġwann FC qed jutilizza bosta plejers prodotti tan-Nursery tal-istess klabb?
Qabel ma kont ġewwa dan il-klabb dejjem kont impressjonat bil-konsistenza sabiex itellgħu plejers li jibqgħu fil-futbol u anke saħansitra jagħmluha mat-tim nazzjonali Malti jew fil-Malta Premier, u nista’ ngħid li kemm ilni hawn inħoss li s-sigriet tagħhom hu l-kulturá ta’ trankwillitá u żvilupp fejn kemm il-kowċis u anke l-plejers jingħataw iċ-ċans u l-fiduċja biex jiżvilupaw bil-pass tagħhom waqt li jieħdu gwida mingħand nies li għandhom esperjenza diversa fil-futbol.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun?
Dan l-istaġun kien wieħed fejn kellna bidu iebes minħabba diversi raġunijiet fosthom minħabba l-fatt li konna ftit sfortunati minħabba l-injuries li kellna, peró nemmen li konna kapaċi nitgħallmu minn kull logħba li lgħabna fejn logħba wara logħba, irnexxielna nikbru bħala kollettiv u nitgħallmu iktar fuqna nfusna bħala tim, fejn illum flimkien mal-plejers qegħdin inkabbru iktar l-identitá tagħna.
X’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħkom għal dan l-istaġun?
Għal dan l-istaġun aħna qegħdin naspiraw sabiex nibdew inġibu riżultati pożittivi u nsalvaw postna f’Section A wara l-promozzjoni li din l-iskwadra kisbet matul l-istaġun li għadda.
Kif tqis il-livell tal-futbol lokali fil-preżent?
Il-futbol lokali bħalissa għaddej minn perjodu ta’ żvilupp, fejn għandek organizzazzjonijiet bħall-Malta Premier League fejn qegħdin jagħmlu sforz sabiex jgħollu l-livell tal-futbol Malti fejn jidħol il-professjonaliżmu u l-mod kif noffru l-futbol Malti għal dawk in-nies li jagħmlu l-futbol dak li hu – il-partitarji.
Illum ukoll hawn iktar tama li aħna bħala pajjiż nistgħu nagħmlu dak li qabel konna naraw impossibli, bħalma rajna riċentement bil-Hamrun fejn irnexxielhom jidħlu jilagħbu f’kompetizzjonijiet Ewropej. Madankollu, nemmen li jrid isir iktar sforz sabiex nħarsu iktar lejn l-iżvilupp tal-plejer Malti sabiex ikun jista’ jlaħħaq mal-livell tal-barrani.
Nemmen li għandna nagħmlu iktar investimenti f’aspetti bħad-data, sports science u l-
individual development plans tal-plejers sabiex inkunu nistgħu nieħdu deċizjonijiet iktar ibbażati fuq il-fatti.
U dak tar riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Nemmen li bil-limitazzjoniet tagħna bħala pajjiż għandna biżżejjed faċilitajiet peró rridu nżommuhom f’kundizzjoni aħjar.
Kemm hu importanti s-settur tal-grassroots fil-futbol?
Il-grasroots fil-futbol huwa l-pedament li fuqu jinbena player, u nemmen li hawnhekk fejn hu importanti ħafna sabiex tifel isir iħobb iktar il-logħba tal-futbol, jibni valuri sodi sabiex ikunu jista’ jagħmel suċċess f’dak kollu li jagħmel f’ħajtu, filwaqt li jibni l-ħiliet essenzjali tekniċi sabiex ikun jista’ jagħmel il-qabża li jmiss fil-karriera tiegħu tal-futbol.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?
Il-mentalitá tal-isport f’Malta għadha ftit lura, u ħafna mid-drabi naraw l-isport bħala xi ħaġa sekondarja jew bħala delizzju. Nemmen li bħala pajjiż għandna bżonn inkunu iktar professjonali fl-isport għaliex hawn ħafna talent f’diversi oqsma fejn b’iktar attenzjoni jistgħu ikunu ta’ suċċess f’livell internazzjonali. U dan kollu għandu jibda billi nemmnu iktar fil-kapaċitajiet tagħna u nkunu iktar dedikati fl-għanijiet tagħna fl-isport.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Jien nixtieq li nkun nista’ nagħti kontribut fil-futbol b’mod ħolistiku, u l-għan tiegħi huwa li nkompli neduka ruħi minn dawk il-persuni li jien imdawwar bihom u anke billi nagħmel korsijiet sabiex inkompli nitgħallem iktar sabiex ngħin lil dawk li nkun qed naħdem magħhom bl-aħjar mod possibli.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi huwa sabiex temmen f’dak li qed tagħmel u ma tħalli lil ħadd jgħidlek sa fejn tista’ tasal. Jekk ma toħlomx ma twettaqx peró importanti ħafna li fit-triq bejn il-ħolm u s-suċċess tkun dixxiplinat, dedikat u tiddawwar b’nies li jistgħu jgħinuk tagħmel il-qabża li tixtieq. Se jkollok mumenti iebsin u ta’ pressjoni peró dawk il-mumenti huma dawk li jagħmluk iktar b’saħħtek!


