Thursday, November 6, 2025

Emmen fik innifsek, aħdem iebes u qatt taqta’ qalbek … il-passjoni tagħmlek rebbieħ’ – Katrina Catania

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imhabba tiegħek lejn il-futbol?

Bdiet meta kont għadni ta’ tliet snin. Dejjem inħobb nilgħab bil-ballun u minn dakinhar il-futbol sar parti minni.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Birkirkara FC.

Li nilgħab ma’ Birkirkara FC hu ta’ sodisfazzjon kbir. Hemm ambjent professjonali u kulħadd jaħdem bħala familja biex niksbu l-aħjar riżultati.

U dik mat-tim nazzjonali.

Li nirrappreżenta lil Malta hu unur kbir. Tgħallimt ħafna minn kull esperjenza u dejjem nipprova nagħti l-aħjar tiegħi.

X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Birkirkara FC matul dan l-istaġun sa issa?

Qed ikollna staġun tajjeb ħafna. It-tim qed jaħdem ħafna flimkien u dejjem nagħtu kollox f’kull logħba.

X’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħkom għal dan l-istaġun?

L-aspirazzjoni tagħna hi li nibqgħu nagħtu kollox f’kull logħba u nikkompetu biex niksbu l-aħjar riżultati possibbli. 

Kif tqis il-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?

Naħseb li l-futbol tan-nisa f’Malta qed jitjieb ħafna. Hemm aktar nies li qed isegwu u jappoġġjaw, u dan jagħmel differenza kbira.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Ir-riżorsi qed jitjiebu wkoll, b’aktar faċilitajiet u appoġġ lill-klabbs. Kull titjib jagħmel differenza kbira għalina bħala plejers għax jgħinna nħarrġu f’ambjent professjonali.

Kemm hu importanti s-settur tal-grassroots fil-futbol fosthom dak tan-nisa?

Is-settur tal-grassroots hu essenzjali. Huwa minn hemm li jibda kollox, fejn it-tfal jitgħallmu l-valuri tal-futbol u l-importanza tat-tim. Għan-nisa wkoll, dan is-settur hu kruċjali biex jissaħħaħ il-futur tal-futbol femminili f’Malta.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?

Naħseb li l-mentalità qed tinbidel bil-mod il-mod. Qed naraw iktar nies japprezzaw u jsegwu l-isport, speċjalment il-futbol tan-nisa. Bil-ħidma t-tajba u l-edukazzjoni sportiva, nemmen li nistgħu naslu ferm iktar.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jien nittama li nkompli nikber bħala plejer u nilħaq livell ogħla fil-karriera tiegħi.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Emmen fik innifsek, aħdem iebes u qatt taqta’ qalbek. Il-passjoni tagħmlek rebbieħ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport