Tuesday, February 18, 2025

Emmen fik innifsek għax xi darba r-rota se terġa’ ddur favurik – Dejan Vukovic

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Peressli twelidt f’pajjiż fejn hemm ħafna plejers ta’ talent u li għandhom passjoni għall-isport inġenerali, ġejt influwenzat ħafna minn diversi idoli li kelli dak iż-żmien meta kont għadni żgħir. Il-familja tiegħi ma kinitx sportiva iżda jien dejjem fittxejt li nilgħab xi tip ta’ dixxiplina. Ma kinitx xi ħaġa faċli speċjalment għax jien ilħaqt il-gwerra fit-tfulija tiegħi. Minkejja kollox, meta kollox kien ikun kwiet fl-eta’ ta’ erba’ snin mhux darba jew tnejn li kont nilgħab il-futbol fit-triq ma’ sħabi u l-ġirien tiegħi. Dan kollu kien iseħħ kemm jekk kienet tkun is-sħana, is-silġ jew il-kesħa. Il-logħob fit-triq hi xi ħaġa li niftakarha sew.

Kien żmien xejn feliċi hekk kif ma kellniex blalen jew żraben tajbin iżda ta’ tfal li konna, kienet xi ħaġa normali li nivvintaw xi ħaġa. Fl-eta’ ta’ sitt snin dħalt f’akkademja f’pajjiżi stess sakemm fl-eta’ ta’ disa’ snin ġejt f’Malta.

Kif ġejt tilgħab f’Malta?

Li ġejt f’Malta kienet deċiżjoni li ħadtha jien flimkien mal-familja tiegħi. Bdejna ħajja ġdida hawnhekk u s’issa ninsab għal qalbi. Ma kinitx biċċa xogħol faċli li titlaq f’eta’ daqshekk żgħira u tħalli kollox warajk iżda kien pass neċessarju. Kien hawn li ngħaqad mal-akkademja ta’ Sliema Wanderers fejn komplejt niżviluppa l-ħiliet tiegħi f’dan l-isport.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek proprju ma’ Sliema Wanderers.

Sliema Wanderers kien l-ewwel klabb tiegħi f’Malta, tim li għamilt miegħu madwar 20 sena, l-ewwel fuq livell ta’ żgħażagħ imbagħad aktar tard bħala plejer professjonali b’kuntratt aktar tard. Kelli mumenti fejn kont ma’ timijiet oħra fuq bażi ta’ self għalkemm kont naf li xi darba jew oħra kelli nirritorna mal-Blues. Għamilt id-debutt magħhom fl-eta’ ta’ 17-il sena kontra Mqabba fl-aħħar 30 minuta fil-Victor Tedesco Stadium.

Madwar sentejn ilu rbaħt posti mal-klabb u bdejt nilgħab fl-ewwel ħdax fejn bqajt magħhom għal iktar staġun. Kien l-ewwel klabb tiegħi u tista’ tgħid l-ewwel imħabba tiegħi lejn il-logħba tal-futbol.

U kif tiddeskrivi ż-żmien tiegħek ma’ Valletta FC?

Minn meta rċevejt it-telefonata mill-klabb ta’ Valletta, ma ħsibthiex darbtejn u ma tantx kienet diffiċli biex nikkonvinċi ruħi biex ningħaqad ma’ dan it-tim, għalkemm kienet sfida bħala lig, imma huwa wieħed minn dawk il-klabbs li ma tistax tirrifjuta.

Għalkemm kont mimli eċitament biex nilgħab ma’ dan il-klabb, u s-sapport inkredibbli li sibt mingħandhom, minn dak li aħna nsejħu t-12-il plejer fil-grawnd, l-esperjenza tiegħi ma kinitx waħda kif xtaqt jiena u kif stennejt.

Ladarba ma lħaqtx l-aspettattivi tiegħi għal ħafna raġunijiet, uħud minnhom li m’għandhomx x’jaqsmu mal-futbol, kien hemm ukoll xi diżappunti mill-futbol, imma huwa li hu, sport, u kemm jista’ jkun trid tibqa’ professjonali, nitħarrġu kemm nistgħu u żżomm l-irġulija kemm fil-grawnd u anke fil-ħajja privata.

Imma min-naħa l-oħra, minkejja kollox, kont tassew onorat li kont parti minn dan il-klabb bis-sapport kbir kollu li għandu, u bħala plejer nista’ ngħid li lkoll kemm aħna nħobbu nilagħbu għas-sapporters tagħna, għax it-12-il plejer jagħtik l-enerġija f’kull logħba biex tkompli tilgħab. Allura jibqa’ dak il-klabb li l-offerta tiegħu ma tistax tirrifjuta jew jiddispjaċik li tkun ingħaqadt magħhom.

l-għan tal-klabb huwa li tirbaħ, li tkun professjonali. L-ambizzjoni dejjem se tkun li tirbaħ il-logħba, il-lig, u dejjem iddur ma’ din il-mentalità li tirbaħ.

Sfortunatament iżda l-affarijiet ma ġrawx kif xtaqt jiena, allura ddeċidejt li nitlaq, l-aktar għalija nnifsi. Filwaqt li ddeċidejt li ningħaqad ma’ klabb ieħor, bdejt għalhekk nara sfidi ġodda u lura għal-logħob lgħabt logħob bi tbissima fuq fommi. Mhijiex biss dwar il-futbol, li tilgħab u titħallas eċċetra, imma hemm ħafna aktar aspetti oħrajn li tkun plejer tal-futbol, fosthom li tieħu ħsieb il-parti fisjoloġika li aħna l-atleti jeħtieġ li wkoll nieħdu ħsieb fost affarijiet oħra.

Kif tikkunsidra l-futbol Malti fil-preżent?

L-ewwelnett fl-għoxrin sena li ilu hawn rajt formati differenti ta’ kampjonati u anke plejers oħra li jew irtiraw jew inkella bħali għamlu karriera hawnhekk. Nammetti li kien hawn żminijiet aħjar meta forsi kien hawn inqas barranin u wieħed kien jinvesti f’xi wieħed jew tnejn li kienu jkunu ta’ kalibru. Qabel kien hawn aktar kwalita’, xi ħaġa li llum ma tantx għadek taraha hekk kif il-klabb lokali qed imorru iktar għal kwantita’. Hemm ukoll plejers Maltin li kibru u issa jinsabu fl-aqwa tal-karriera tagħhom.

Nirritorna għall-format, wieħed irid ikun realistiku dwar wieħed standard aktar milli jkun hemm tibdil minn sena għall-oħra. Inkun qed nigdeb jekk ngħid li kien hawn titjib, anzi pjuttost il-kontra. Ma rridx niġġeneralizza iżda qed nieħu kuntest partikolari li qed nara dan l-aħħar.

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-grawnds fejn qed jintlagħbu l-logħob tal-kampjonat Malti?

Fejn għandu x’jaqsam il-grawnds tal-futbol, biex inkun onest wieħed jaqbel li mhux kollha kemm huma ideali. Nemmen li għandu jkun hawn aktar investiment. Hemm l-Istadium Nazzjonali li hu ta’ privileġġ li tilgħab fih għalkemm imbagħad ma tantx ikun hemm spettaturi jaraw il-logħba.

Fl-istess waqt nemmen li mhux ideali li aħna bħala plejers inbidlu minn grawnd sintetiku għal ieħor naturali għax hemm fejn jiġu l-injuries.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek?

Il-futur ħadd ma jafu kif jgħidu. Ma nafx x’se jkun qed jiġri iżda l-intenzjoni tiegħi hi dik li nibqa’ determinat u nkun l-aħjar verzjoni tiegħi nnifsi speċjalment f’kull sessjoni ta’ taħriġ u nibqa’ nirsisti sakemm ġismi jgħidli li daqshekk.

Għad fadalli xi objettivi li nixtieq nilħaq u nemmen li b’xogħol iebes nasal biex inwettaq dak li nixtieq. Ovvjament irrid inkun mentalment b’saħħti apparti li xi ftit xorti tgħin ukoll. Il-ħajja ta’ atleta mhux dejjem faċli minħabba li kull ġurnata tippreżenta sfida fiha nnifisha.

Nixtieqek tgħaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-futbol.

Jien nista’ ntikom diversi pariri għalkemm l-aqwa wieħed hu dak li taħdmu qaitgħ sabiex dejjem ittejbu l-livell tagħkom. Nemmen li għandek tagħmel xi ħaġa żejda sabiex ittejjeb dejjem aktar lilek innifsek mentalment iżda b’mod importanti fiżikament. Wieħed għandu joħlom għax bil-ħolm tasal biex twettaq dak li tkun ilek taħdem għalih. Minkejja li forsi jkun hemm mumenti fejn tasal li taqta’ qalbek b’mod partikolari meta l-affarijiet ma jkunux sejrin sew. Emmen fik innifsek għax xi darba r-rota se terġa’ ddur favurik!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport