Friday, June 27, 2025

‘Emmen fik innifsek, taqta’ qalbek qatt u ibqa’ ġġieled għal dak li trid f’ħajtek … kulħadd huwa kapaċi’ – Matthew Genuis

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Naħseb li l-imħabba lejn il-logħba tal-futbol titwieled biha. Ta’ etá żgħira l-ġenituri dejjem ħaduni flimkien ma’ ħuti f’għaqdiet sportivi. Il-futbol dak iż-żmien kien jintlagħab kuljum fit-toroq mal-ħbieb, qabel l-iskola u fl-għelieqi tal-madwar, xi ħaġa li llum il-ġurnata m’għadniex naraw.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala kowċ ta’ Rabat Ajax FC, fejn fost oħrajn se tkun qed taħdem mill-qrib mal-Assistant Coach Mario Gouder u mat-Team Manager u Kollaboraur Tekniku, Weah Borg?

Naħseb li r-Rabat Ajax huwa klabb bi storja kbira u li nafuh fi żminijiet isbaħ minn tal-lum. Rebaħ l-aqwa unuri fil-futbol lokali bi plejers mill-inħawi tar-Rabat stess, fosthom Carmel Busuttil ‘il-Bużu’ … l-istorja jafha kulħadd. Ir-Rabat għaddew minn żminijiet xi ftit diffiċli, saħansitra il-klabb spiċċa fit-Tielet Diviżjoni . 

Weah Borg u Mario Gouder għandhom ħafna enerġija u l-ħidma tagħhom se tgħinna bis-sħiħ biex nippruvaw nibnu tim ġdid bi plejers ta’ esperjenza u ż-żgħażagħ tar-Rabat bil-pass li nifilħu. 

X’tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek ma’ Valletta FC fosthom dik fl-istaġun li għadda fejn ħdimt spalla ma’ spalla mal-kowċ Thane Micallef u ksibtu l-promozzjoni għall-Malta Premier bħala Champions taċ-Challenge League? Kemm tgħallimt minn din l-esperjenza?

L-esperjenza tiegħi ma’ Valletta FC kienet waħda li se nibqa’ niftakar għal dejjem. In-nies tal-Belt jgħixu għall-futbol … li tara l-grawnds mimlijin bis-sapport hija xi ħaga sabiħa wisq. Hemm nies dedikati ħafna u saħansitra jitilgħu jaraw lit-tim għat-taħriġ u jagħtu daqqa t’id wara ġurnata xogħol. 

Ma’ Thane Micallef kont diġá hdimt fil-passat fl-Akkademja ta’ Birkirkara FC u ma’ Gudja United FC fil-Malta Premier fejn ukoll kellna staġun tajjeb ħafna. Minn hawn nixtieq nirringrazjah tal-opportunitá li tani ma’ Valletta FC. Tgħallimt ħafna mingħandu u persważ li se jkollu staġun tajjeb lura fil- Premier. 

Fil-passat ħdimt ukoll ma’ Winston Muscat u Marsaxlokk FC u rnexxielna niksbu post fl-Ewropa. Esperjenza li tgħallimt minnha wkoll. Fil-ħajja titgħallem mingħand kulħadd!

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Naħseb illi wasal iż-żmien li jkollna ideat,  metodu u filosofija Maltija, minn nies kapaċi Maltin li jafu sew il-kulturá u d-drawwiet tagħna l-Maltin. 

Naħseb li qegħdin nipprovaw  wisq ‘quick fix solutions’ li mhuma qegħdin jeħduna mkien. Li huwa tajjeb għall-Ġermanja, l-Italja, il-Finlandja u San Marino mhuwiex tajjeb għalina. Naħseb li rridu nkunu innovativi u nemmnu iktar fin-nies u ideat Maltin. Nemmen li t-timijiet nazzjonali għandhom jagħtu iktar spazju lill-plejers u kowcċs Maltin. Irridu nemmnu iktar fina nfusna … m’għandna xejn inqas minn ħaddiehor! 

Il-format tal-Malta Premier, m’għoġobnix. Naħseb li t-tim li jirbaħ l-iktar logħob fil-grawnd għandu jkun it-tim rebbieħ tal-kampjonat.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Naħseb li sar titjib fil-grawnds tagħna. Ovvjament jirrikjedi ħafna spejjeż biex il-kwalitá tkun tajba.

Naħseb li għandna vantaġġ li ngħixu f’pajjiż żgħir u huwa iktar faċli għalina li nilħqu lokalitajiet f’inqas ħin minn pajjiżi oħra. 

Naħseb li l-grawnds Maltin huma kolla ppakkjati wara l-4pm u diffiċli ssib spazju, peró fil-ħinijiet ta’ filgħodu ħafna mil-pitches ikunu vojta. Wasal iż-żmien li f’dawn il-ħinijiet l-isport u l-futbol jibda jkun inkluż fil-curriculums tal-iskejjel kemm għal-livell elite kif ukoll għal-livell ta’ pjacir. Irridu niftħu iktar spazji fl-irħula fejn it-tfal jistgħu jagħmlu iktar attivitajiet sportivi u ndaħħlu kulturá iktar sportiva fost iż-żgħażagħ. Qegħdin wisq magħluqin ġo kmamar u klassijiet. Irridu nbiddlu l-mentalitá!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Emmen fik innifsek, taqta’ qalbek qatt u ibqa’ ġġieled għal dak li trid f’ħajtek! Kulħadd huwa kapaċi!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport