Wednesday, July 24, 2024

Emmen fik innifsek u ffoka dejjem fuq kif se ttejjeb il-ħin tiegħek – Romina Muscat 

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sport ieħor? 

L-avventura u l-isport minn dejjem kont inħobbhom. Fi żmien l-iskola kont nilgħab in-netball u logħob ieħor. Matul iż-żmien kont bdejt nattendi ‘fitness classes’.  Għamilt ftit żmien nilgħab it-tennis ukoll. Imma mbagħad meta kelli l-familja, ħlief ‘work outs’ id-dar ma kontx nagħmel. Kien wasal iż-żmien fejn bdejt nitħajjar nagħmel xi tip ta’ sport kompetittiv. Kont ili nsegwi l-atletika u s-sens ta’ kompetizzjoni miegħek innifsek kienet togħġobni ħafna. 

Ta’ kemm bdejt tipprattikka l-atletika?

Bdejt nippratika l-atletika meta kelli ftit ‘il fuq minn 40 sena. It-tfal tiegħi kienu kibru ftit u ridt nerġa’ nibda niddedika ftit ħin għalija nnifsi. Dan kien jgħinni kemm fiżikament kif ukoll mentalment. U hawn fejn erġajt sibt lili nnifsi!

Min kien dak il-persuna li ispirak biex tagħżel l-atletika?

Kont nammira lill-ħabiba tiegħi li kienet tiġri wkoll u fl-istess ħin tlaħħaq mal-familja u x-xogħol u, bis-saħħa tagħha għamilt kuraġġ. Kull bidu hu iebes, imma kont entużjasta u hawnhekk kien fejn tħajjart u ħajjart lill-ħabiba oħra tiegħi biex napplikaw għan-Nofs Maratona ta’ Malta … l-ewwel tellieqa tiegħi.

Bdejt nittrennja waħdi u xi drabi magħha, nimxi u niġri sakemm spiċċajt xahrejn wara nagħmilha kważi kollha niġri. Konna ta’ sapport ħafna għal xulxin. Kienet esperjenza tal-ġenn u skoprejt li jekk trid tagħmel xi ħaġa, m’għandek qatt taqta’ qalbek. Minn hemm qatt ma ħarist lura. L-istess ħabiba kienet tagħti fitness classes u minn hemm  hajritni nibda nipprattika għall-OCR (obstacle course racing) magħha wkoll. Hawnhekk ingħaqadt ma’ klabbs tal-ġiri u bdejt insegwi programm tal-ġiri ma’ kowċ. Fl-istess ħin, kont nattendi klassijiet ma’ kowċ tal-OCR. Bis-saħħa tagħhom bdejt intejjeb il-wirjiet tiegħi fit-tnejn li huma.

Riżultat t’hekk irnexxieli nieħu sehem fi tlielaq tal-ġiri u OCR, kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn Malta, fosthom ‘spartan races’ u nofs maratoni. Dal-aħħar ipparteċipajt fil-‘London Landmarks Half Marathon’, fejn l-atmosfera kienet waħda sabiħa ħafna, mimlija briju u sapport lejn l-atleti. Tiffoka fuq ġbir ta’ fondi għal diversi għaqdiet tal-karitá.

Tellieqa oħra li kienet ta’ sfida kbira għalija kienet meta ħadt sehem fl-iSpartan Trifecta weekend obstacle course race, fejn ġrejt tliet tlielaq ta’ madwar 5k, 10k u 21k f’weekend wieħed, f’temperatura ta’ madwar 35 grad u elevazzjoni ta’ ‘l fuq minn 1,000 km, f’Kulmbach, il-Ġermanja. Fil-veritá, irriżulta li b’kollox kienu madwar 42 kilometru b’kollox. Żgur li ma kinitx facli imma kuntenta hafna li rnexxieli nlestihom b’wiċċ il-ġid!

Bħalissa ninsab mal-klabb tal-Mellieħa AC, fejn qed insegwi programm tal-ġiri mal-kowċ Nick Anderson. Jiggwidani u nħoss li għenni ħafna biex nimxi ‘l quddiem. Għalissa ddeċidejt li nikkoncentra iktar fuq il-ġiri imma ma nistax ngħid x’jista’ jħajjarni fil-futur! 

Liema unuri prinċipali rnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek fl-atletika?

Unuri qatt ma ksibt imma ksibt l-ewwel, it-tieni u t-tielet pożizzjoni fil-kategorija tiegħi fit-10k u fin-Nofs Maratona ta’ Malta. Sa xi żmien ilu, lanqas nimmaġina li niġri ma kont, aħseb u ara li nirbaħ xi ħaġa. Nemmen li qatt m’ghandek taqta’ qalbek, imma bil-pożittivitá tkompli tagħmel dak li tħobb, tikkompeti miegħek innifsek u xi darba tirnexxi.

Liema kien l-aħjar riżultat tiegħek sa issa?

S’issa, l-aħjar riżultati tiegħi kienu ta’ 22.51 minuti fil-5km, 48.24 minuti fl-10km u 1.48.03 minuti fin-Nofs Maratona ta’ Malta. Nittama li nkompli ntejjibhom ukoll bis saħħa tal-kowċing u d-determinazzjoni. 

Il-media tal-isport f’pajjiżna tagħtikom biżżejjed pubbliċità u exposure, jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bħal mhuma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?

Ma naħsibx li l-media tal-isport f’Malta tagħti daqshekk importanza lill-atletika. Qed naraw li dejjem qed jitħajru u jiżdiedu iktar nies li jipprattikaw l-atletika f’pajjiżna. Hija ħasra li xi ħaġa pożittiva bħal din għad m’hawnx daqshekk apprezzament dwarha fil-pajjiż, speċjalment meta jkun hawn avvenimenti bħall-Maratona u n-Nofs Maratona ta’ Malta. Nista’ ngħid li l-entużjażmu li jkun hemm f”xi avvenimenti bħal dawn barra minn Malta jiġi iktar apprezzat minn pajjiżna!  

X’kompetizzjonijiet prinċipali se tieħu sehem fihom fil-futur qrib? 

Ħolm ikolli dejjem. Dal-aħħar kont ixxurtjata li tlajt bil-polza biex nieħu sehem fil-Maratona tal-Olimpijadi tal-‘Marathon pour Tous’ f’Pariġi f’Awwissu li ġej. Ninsab eċċitata, imbeżża’ imma ħerqana ħafna li nagħmilha, flimkien ma’ żewġt iħbieb tiegħi li niġri magħhom, li bħal sħabi l-oħra tal-ġiri dejjem nagħtu s-sapport u kuraġġ lil xulxin. Hija tabilħaqq sfida kbira għalija, għax barra milli se tkun l-ewwel maratona tiegħi, din se ssir fl-eqqel t’Awwissu u bil-lejl, allura rrid nibda nidra nittrenja f’ħinijiet li ma tantx jien komda bihom. Sa dak iż-żmien, il-pjan hu li nibqa’ nittrenja għal din il-maratona u fl-istess ħin nieħu sehem f’xi tellieqa oħra jew tnejn tal-5k. Wara din, jekk ma jinqala’ xejn, inkompli nieħu sehem fi tlielaq oħra u nibda nippjana għas-sena d-dieħla. 

Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta’ kompetizzjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. Il-kummenti tiegħek.

Nemmen li il-kompetizzjoni għandha dejjem tkun miegħek innifsek. Meta tibda ttejjeb il-ħin tiegħek, ir-riżultati jidhru waħedhom. Emmen fik innifsek u ffoka dejjem fuq kif se ttejjeb il-ħin tiegħek! 

Għaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika.

Il-messaġġ li ngħaddi lit-tfal, żgħażagħ kif ukoll min se jibda ta’ etá ikbar, hu li qatt m’għandhom jaqtgħu qalbhom u qatt m’hu tard biex tibda. Għandhom jemmnu fihom infushom u jħarsu ‘l quddiem. L-atletika bħal sport ieħor tgħinek tibqa’ b’saħħtek fiżikament u mentalment, tagħtik emozzjoni pożittiva, iżżommok żagħżugħ u tagħtik l-opportunitá li tiltaqa’ ma’ ħbieb ġodda. U anke meta l-wirja tiegħek ma tkunx dejjem dik li tixtieq, trid tagħmel kuraġġ, terġa’ tqum u tkompli minn fejn ħallejt. U ħafna drabi tispiċċa tmur aħjar! 

Nixtieq nirringrazzja l-ewwel u qabel kollox lill-familja tiegħi li dejjem jissapportjawni, u lil kull min iltqajt miegħu minn mindu bdejt din l-avventura, kemm jekk kienu kowċis kif ukoll atleti. Il-ħbieb li għamilt s’issa nista’ ngħid li fihom sibt familja oħra. Bis-saħħa tagħhom, bdejt nemmen iktar fija nnifsi, qed nitgħallem nimxi ‘l quddiem bla ma naqta’ qalbi, u fuq kollox inwarrab in-negattivitá u nkun iktar pożittiva! 

Ekonomija

Sport