Monday, March 16, 2026

‘Emmen fik innifsek u qatt tieqaf taħdem … it-talent waħdu mhuwiex biżżejjed’ – Matthew Schembri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Għalija l-isport dejjem kien parti kbira f’ħajti. Mill-ewwel darba li missejt ballun ma’ saqajja, bdejt inħobbu mill-ewwel. Illum il-ġurnata l-futbol mhuwiex biss logħba għalija, imma huwa parti minn ħajti u jagħtini l-enerġija biex dejjem intejjeb il-livell tiegħi.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Msida SJ FC.

L-esperjenza tiegħi mal-Imsida s’issa hija waħda mill-aqwa. Ingħaqadt mat-tim f’Jannar u ħassejtni milqugħ mill-ewwel. Bħala attakkant, huwa fundamentali li tħossok komdu u parti minn grupp magħqud, u dan huwa propju dak li sibt hawn. Il-fatt li qed niskorja regolarment huwa riżultat tal-appoġġ kbir li qed insib mill-coaches, mis-sħabi tat-tim, mill-kumitat u mill-partitarji Misidjani kollha. Għandna għaqda kbira li rari ssib bħalha.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

It-tim kellu mixja pożittiva ħafna u l-għaqda bejnietna hija s-saħħa tagħna. Aħna m’aħniex biss ħdax-il player fuq il-pitch, imma unità waħda li tiġbed ħabel wieħed. Dejjem urejna karattru qawwi u determinazzjoni biex niġbru l-punti kollha f’kull logħba.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragward tagħna huwa ċar: il-promozzjoni. Ninsabu punt biss taħt it-tieni post u jekk inkomplu nilagħbu bil-mod kif qed nilagħbu bħalissa, għandi fiduċja sħiħa li nistgħu niksbu dak l-għan. Dawn it-tliet logħbiet li fadal qed inħarsu lejhom b’determinazzjoni totali biex fl-aħħar niċċelebraw dak li ħdimna tant għalih flimkien.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Nahseb il-livell tal-futbol f’Malta fid-diviżjonijiet t’isfel għola. Minħabba l-ħafna barranin fil-Premier, ħafna players Maltin ta’ kwalità qed jilagħbu fid-diviżjonijiet t’isfel, u dan qed jagħmel il-kampjonati ħafna aktar kompetittivi.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Ir-riżorsi tjiebu ħafna matul is-snin. Illum il-ġurnata għandna grawnds ta’ kwalità. Ovvjament, dejjem hemm lok għal aktar investiment, imma b’mod ġenerali għandna riżorsi tajjbin fejn nistgħu naħdmu b’mod tajjeb.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Bħalissa l-fokus totali tiegħi huwa fuq dawn l-aħħar tliet logħbiet biex ngħin lil Msida jiksbu l-promozzjoni.

Għall-futur, l-ambizzjoni tiegħi hija li nkompli ntejjeb il-livell tiegħi, nitgħallem minn kull esperjenza, u nilgħab fl-ogħla livell possibbli. Nemmen li jekk tieħu l-futbol bis-serjetà u tibqa’ umli, is-suċċess jiġi b’mod naturali.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi huwa sempliċi: emmen fik innifsek u qatt tieqaf taħdem. It-talent waħdu mhuwiex biżżejjed; id-dixxiplina, is-sagrifiċċju u l-rieda li titgħallem mill-iżbalji huma dawk li jagħmlu d-differenza. Dejjem żomm saqajk mal-art, kemm meta tkun għaddej minn żmien tajjeb kif ukoll meta tiffaċċja d-diffikultajiet u tasal!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport