Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-Hyrox?
L-imħabba tiegħi lejn il-Hyrox bdiet madwar sitt xhur ilu. Sentejn ilu bdejt nagħmel ġirjiet qosra ta’ 5km u ħadt sehem f’diversi tlielaq lokali, iżda xtaqt inħares lejn xi ħaġa aktar intensiva u ta’ sfida għalija nnifsi. Għalhekk, b’kurżità kbira, mort għall-ewwel sessjoni mal-klabb u mill-ewwel indunajt li Hyrox huwa eżatt dak li kont qed infittex: taħlita ta’ saħħa, reżistenza u dixxiplina.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek s’issa?
Dis-sena ħadt podium f’wahda mill-ġirjiet lokali. Apparti minn hekk, s’issa ħadt sehem f’kompetizzjoni lokali mill-Club Hyrox League flimkien mal-partner tiegħi, Thea D’Amato. Din kienet l-ewwel esperjenza tiegħi f’kompetizzjoni uffiċjali u flimkien qed naħdmu biex intejbu l-ħin tagħna kontinwament. Barra minn hekk, il-kisbiet tiegħi huma kemm personali kif ukoll fiżiċi: qed insir iktar dixxiplinata u qiegħda nikseb iktar kunfidenza fija nnifsi.
Għalija kull titjib huwa suċċess.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Julian Briffa?
Julian Briffa huwa kowċ ta’ dedikazzjoni kbira, li jagħti ħafna attenzjoni mhux biss lit-taħriġ fiżiku imma wkoll lill-mentalità tagħna. Dejjem hemm biex jiggwidak, jimmotivak u jinkoraġġik. Kultant, meta taħseb li wasalt sal-limiti tiegħek, Julian dejjem isib il-mod kif iġiegħlek tagħti ftit iktar, u dak hu li verament jagħmel id-differenza.
Kif tqis il-livell tal-Hyrox f’pajjiżna fil-preżent?
Il-Hyrox f’Malta għadu sport ġdid, iżda għandu potenzjal kbir. Qiegħed jikber b’pass mgħaġġel u l-interess fost l-atleti lokali qed jiżdied dejjem aktar. Aktar nies qed jirrealizzaw kemm dan l-isport hu ta’ sfida iżda fl-istess ħin ta’ sodisfazzjon.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Il-klabb tagħna huwa kompletament mgħammar b’kollox. Għandna l-faċilitajiet u l-apparat kollu meħtieġ biex nippreparaw għal kompetizzjonijiet f’ambjent professjonali, li jagħtina vantaġġ kbir fit-taħriġ tagħna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-Hyrox?
Qed inħares lejn il-futur tiegħi fil-Hyrox b’determinazzjoni u ħafna entużjażmu. L-għan tiegħi hu li nkompli nikkompeti kemm f’kompetizzjonijiet lokali kif ukoll internazzjonali, u nagħti l-aħjar prestazzjoni tiegħi f’kull waħda minnhom. Nixtieq ukoll inkompli nitjieb u nkun ta’ ispirazzjoni għal dawk li għadhom jibdew jew qed jaħsbu biex jidħlu f’dan l-isport.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Hyrox.
Il-messaġġ tiegħi hu wieħed sempliċi: emmnu fikom infuskom, ibqgħu konsistenti u qatt taqtgħu qalbkom!