Thursday, December 26, 2024

Enemalta toħroġ sejħa għall-offerti għaċ-Ċentru tad-distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar

Aġġornament dwar l-investiment aċċellerat fis-sistema ta’ distribuzzjoni

Aqra wkoll

Fi stqarrija konġunta m’Infrastructure Malta u Transport Malta, Enemalta spjegat ix-xogħolijiet li għaddejjin, u dawk ippjanati, biex issaħħah is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku bħala parti mill-pjan aċċelerat ta’ tisħiħ infrastrutturali. 

Tul dawn l-aħħar xhur, Enemalta komplet taħdem biex issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fuq livelli differenti. B’kollaborazzjoni m’Infrastructure Malta u Transport Malta, il-kumpanija komplet taċċellera dan ix-xogħol u tagħti priorità liż-żoni li l-aktar ġew milquta mill-mewġa ta’ sħana f’Lulju li għadda. 

“Tul dawn l-aħħar xhur, Enemalta kompliet talloka aktar riżorsi għal pjan ta’ sitt snin biex issaħħaħ l-infrastruttura tal-generazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku. Fl-istess waqt, ingħaqadna m’Infrastructure Malta u Transport Malta sabiex insaħħu n-network tagħna b’70km ta’ cables ta’ 11-il kilovolt tul is-sitt xhur li ġejjin.” saħaq iċ-Chariman Eżekuttiv tal-Enemalta, Inġ Ryan Fava. 

Dan il-proġett ta’ sitt xhur jikkonsisti fl-iżvilupp ta’ diversi konnessjonijiet ta’ cables bejn partijiet differenti tal-grid nazzjonali. Iż-żieda ta’ 70 kilometru ta’ cables ta’ vultaġġ medju b’dan l-investiment jammontaw għal erba’ darbiet it-tul ta’ cables li Enemalta żiedet fin-network tagħha f’dawn l-aħħar sentejn.  

Flimkien mat-tkomplija tal-pjan ta’ sitt snin ta’ rinfurzar fis-sistema tad-distribuzzjoni, dawn il-konnessjonijiet ser ikomplu jsaħħu r-reżiljenza u l-flessibilta tan-network, billi jipprovdu lil Enemalta b’aktar konnessjonijiet alternattivi li jiffaċilitaw li tingħata lura l-provvista f’inqas ħin, f’kas ta’ ħsarat. 

Bejn is-sena 2022 u 2023, Enemalta ikkumissjonat 80 substation ġdida, u għamlet xogħlijiet ta’ tisħiħ f’66 substation oħra. Dan l-investiment ser ikompli tul is-sena 2024, bil-pjan li jiġu kkummissjonati 45 substation ġdida oħra u jiġu imsaħħa diversi oħrajn. Tkomplew ukoll l-estenzjonijiet tat-tliet ċentri tad-distribuzzjoni ta’ Marsascala, Mrieħel u Tarxien. 

S’issa, 145 feeder ta’ 400/230V ġew konnessi man-network f’diversi lokalitajiet. Dawn jipprovdu aktar konnessjonijiet alternattivi u jżidu ir-reżiljenza tan-network f’każ ta’ interruzzjonijiet fil-provvista. 

Il-pjan ta’ distribuzzjoni tal-Enemalta jinkludi t-tħejjijiet għal proġetti maġġuri oħra li ser jitkomplew fis-snin li ġejjin, inkluż konnessjoni ta’ 132 kilovolt bejn it-Terminal tal-Interconnector fil-Magħtab u ċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Mosta, sabiex jiġu kkonsolidati l-konnessjonijiet bejn il-Malta-Italy Interconnector u s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku lokali. 

Il-Kumpanija qed tippjana żewġ ċentri tad-distribuzzjoni ġodda fin-Naxxar u fis-Siġġiewi, u qed issaħħah iċ-Ċentri tad-Distribuzzjoni fl-Imsida u St Andrew’s (Pembroke). “Bi pjaċir inħabbru li din il-ġimgħa ippublikajna sejħa għall-offerti għall-iżvilupp taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni fin-Naxxar, li ser isaħħah in-network u jkompli jtejjeb is-servizzi tagħna fl-akwati.” qal l-Inġinier Fava. 

Bħala parti minn dan l-investiment għas-sena 2024, Enemalta ser tippublika sejħa għall-offerti għall-impjant ta’ 60 megawatt sabiex enemalta jkollha kapaċità addizzjonali ta’ riżerva temporanja. Dan l-impjant temporanju ser iżid ir-riżerva ta Enemalta f’kas t’emerġenza, meta sorsi oħra ta’ generazzjoni ma jkunux disponibbli.  

“Kollaborazzjoni essenzjali biex jintlaħqu miri ambizzjuzi imma ċari biex hekk pajjiżna jkun jista jkompli jilqa’ għal sfidi futuri. Huwa ta’ sodisfazżjon li nara entitajiet jikkollaboraw għal għan wieħed,” qal il-Kap Eżekuttiv t’Infrastructure Malta, Ivan Falzon.

“Transport Malta se tkun preżenti fil-komunitajiet permezz tal-uffiċjali tagħna, kemm Field Officers u anki Enforcement Officers, u se nagħmlu wkoll rotot alternattivi għat-trasport pubbliku biex dawn kemm jista’ jkun jibqgħu fiz-żona partikolari tagħhom. L-għan huwa li noħolqu bilanċ bejn il-bżonnijiet ta’ dawn il-lokalitajiet flimkien mal-ħtiġijiet tal-iskejjel u tal-komunità inġenerali,” qalet Jeanette Axisa, Chief Officer fl-Uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta.

Għal aktar informazzjoni segwi l-paġni soċjali ta’ Enemalta, Infrastructure Malta u Transport Malta, jew żur is-siti enemalta.com.mt, infrastructuremalta.com u  transport.gov.mt.

Ekonomija

Sport