Luxol St Andrews rebħu l-ewwel finali tal-Enemed Futsal Premier League meta dawwru telfa f’rebħa sabiex għelbu lil Valletta 9-3 f’logħba ferm eċċitanti u akkanita.
Inizjalment Valletta ħasdu lil Luxol hekk kif skorjaw darbtejn f’temp ta’ żewġ minuti għalkemm l-esperjenza tat-tim minn St Andrews kienet importanti sabiex jaslu għar-rebħa finali.
Wara li Zvezdan Vukovic u Luke Gatt poġġew lit-tim mill-kapitali fil-vantaġġ, Luxol wettqu reazzjoni furjuża u qabel tmiem l-ewwel taqsima xaqilbu l-miżien favurihom b’gowls ta’ Marwan Telisi, doppjetta ta’ Mark Zammit u gowl ieħor ta’ Everton Veve.
Fit-tieni taqsima, it-tim minn St Andrews għamluhom ħamsa b’gowl mill-isbaħ ta’ Celino Alves għalkemm Karl Sciortino reġa’ naqqas l-iskor għal Valletta.
Minkejja dan il-gowl, Luxol baqgħu għaddejjin b’Celino Alves jiskorja darbtejn oħra għal hat-trick personali b’Andy Mangion u Emil Raducu jagħlqu l-kapitlu fuq din l-ewwel partita.
Iż-żewġ timijiet jiltaqgħu kontra xulxin għat-tieni darba nhar il-Ġimgħa li ġej. Jekk Luxol jirbħu din il-partita, jkunu dikjarati bħala champions.
Luxol: Clint Mifsud, Stefan Vella, Celino Alves, Melvin Borg, Mark Zammit, Emil Raducu, Everton Veve, Andy Mangion, Marwan Telisi, Nathan Cope, Dylan Musu, Carl Azzopardi, Matthew Attard.
Valletta: Adem Zouari, Reece Galea, Andre Ciancio, Stiven Rivera, Zvezdan Vukovic, Karl Sciortino, Aaron Montebello, Emerson Molina, Michael Borg, Anderson Castro, Rodney Debono, Andre Cachia, Luke Gatt.
Referees: Clint Cassar, Stephen Vella.