Wednesday, November 6, 2024

Enerġija nadifa għal 7,000 dar permezz ta’ skema ġdida t’enerġija rinovabbli

Aqra wkoll

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) qed joħroġ sejħa ġdida għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ enerġija rinnovabbli ta’ skala kbira, b’kapaċità totali li tista’ tipprovdi enerġija nadifa għal 7,000 dar fis-snin li ġejjin.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli nediet din l opportunità ta’ investiment ambjentali f’sistemi ta’ enerġija rinnovabbli mqabbdin mal-grid tal-elettriku b’kapaċità ta’ megawatt 1 jew aktar. Permezz ta’ din l-iskema, li għandha disponibbli kapaċità totali ta’ 19-il megawatt u b’investiment ambjentali ta’ €30 miljun fuq medda ta’ 20 sena, kull sena se jara tnaqqis sa 11,500 tunnellata ta’ tniġġis tad-diossidu tal-karbonju.

Il-Ministru Dalli spjegat li dan l-investiment qed jagħti lill-imprendituri inċentiv b’saħħtu biex jinvestu f’dan is-settur tal-ekonomija ħadra f’Malta, bil-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet ta’ xogħol, filwaqt li jikkontribwixxu fl- impenn ta’ Malta lejn il-miri ambjentali tagħha.

“Ir-riżultati tal-investimenti tagħna fl-enerġija rinnovabbli f’dawn l-aħħar snin huma inkoraġġanti ħafna. Figuri tal-Eurostat juru li sal-aħħar tal-2021, Malta kienet qed tipproduċi 12.15% tal-enerġija tagħha minn sorsi rinnovabbli. Dan ifisser li diġà qbiżna l-mira ta’ 11.5% li kellna nilħqu sal-2030, skont il-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima. U din il-figura mhijiex tinkludi s-sistemi ta’ enerġija rinnovabbli li ġew installati s-sena li għaddiet,” stqarret il-Ministru Dalli.

Hija kompliet li dan ma jfissirx li Malta għamlet biżżejjed. “Dawn ir-riżultati juruna b’mod ċar li nistgħu nagħmlu aktar minn kemm ippjanajna oriġinarjament. Fl-aħħar mill-aħħar, il-mira tal-2030 mhijiex id-destinazzjoni tagħna, iżda biss tarġa oħra importanti fit-triq li għandna quddiemna. Il-mira finali hi li niksbu n-newtralità fil-klima, u aktar ma nagħmlu dan malajr, aktar inkunu nistgħu niżguraw futur sostenibbli u kwalità ta’ ħajja aħjar,” żiedet tgħid il-Ministru.

REWS qed tniedi mill-ġdid din is-sejħa għall-offerti wara li għamlet diversi laqgħat ma’ dawk kollha konċernati, sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet għall-applikanti prospettivi. Din hija wkoll it-tieni opportunità tal-gvern sabiex is-settur privat jinvesti fl-enerġija rinnovabbli f’inqas minn sena, wara li f’Awwissu li għadda REWS ħabbret skema oħra ta’ €74 miljun għal sistemi ta’ aktar minn 40 kilowatt u inqas minn megawatt 1. Fil-fatt, tlieta mill-ħames sejħiet għall-offerti f’din l-iskema ser jiftħu f’April, f’Lulju, u f’Ottubru li ġejjin.

REWS għandha wkoll diversi skemi oħrajn miftuħa għall-installazzjonijiet rinnovabbli iżgħar għad-djar. Dawn ivarjaw minn skemi tal-pannelli tax-xemx u l-ħażna tal-enerġija bil-batteriji, għal solar water heaters u teknoloġiji oħra relatati.
L-ammont ta’ sistemi ta’ enerġija rinnovabbli mqabbdin mas-sistema tal-elettriku ta’ Malta u Għawdex ra żieda qawwija f’dawn l-aħħar 10 snin, hekk kif il-kapaċità totali ta’ enerġija rinnovabbli telgħet minn 28.5 megawatt fl-2013 għal 222.25 megawatt bħalissa. Dan ifisser żieda ta’ 680%.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ REWS, l-Inġ. Marjohn Abela, qal li d-dettalji u l-kundizzjonijiet ta’ din is-sejħa għall-offerti ġdida għal sistemi ta’ aktar minn megawatt 1 se jkunu fuq is-sit ta’ REWS il-Ġimgħa, 17 ta’ Frar 2023. Applikanti prospettivi jistgħu jissottomettu l-offerti tagħhom bejn it-Tnejn 22 u t-Tlieta 30 ta’ Mejju 2023.
Għal iżjed tagħrif, żur www.rews.org.mt/#/en/tenders/224 jew ikkuntattja lil REWS fuq [email protected] jew 22955000.

Sport