Erba’ skejjel madwar il-pajjiż se jkollhom pannelli tax-xemx installati fl-ewwel minn sensiela ta’ proġetti li l-Climate Action Authority qed taħdem fuqhom flimkien ma’ diversi entitajiet pubbliċi bl-għan li jiżdiedu l-proġetti ta’ enerġija rinnovabbli fuq proprjetajiet pubbliċi.
Fl-aħħar snin skejjel ġodda raw l-installazzjoni ta’ pannelli tax-xemx, bl-iskola tal-Imsida tkun l-ewwel skola carbon neutral, dan il-proġett ifisser fażi oħra fejn se jkunu implimentati proġetti fuq skejjel eżistenti li wkoll jikkontribwixxu fl-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima.
Il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli tkellmet dwar kif dan il-proġett huwa ieħor f’sensiela ta’ proġetti konkreti ta’ azzjoni dwar il-klima. “Meta waqqafna l-Climate Action Authority ridna mhux biss awtorità li tirregola, iżda ridna wkoll awtorità proattiva li tmexxi ’l quddiem proġetti li jagħmlu d-differenza. Dan hu eżempju pożittiv ta’ kollaborazzjoni bejn entitajiet differenti li minnhom se jkollna ħafna aktar.”
Il-Ministru Dalli enfasizzat ukoll is-sabiħ li dan il-proġett qed isir fl-iskejjel. “Huma fost l-iktar sensittivi dwar l-ambjent u huwa ta’ sodisfazzjon għalihom ukoll li fl-iskejjel tagħhom qed isiru dawn il-proġetti. B’hekk jifhmu kif dak li qed nitkellmu dwaru u dak li jixtiequ, jista’ jsir b’mod tanġibbli. M’hemmx dubju li hekk nkomplu nnisslu fihom aktar kuraġġ biex huma wkoll jieħdu azzjoni fil-ħajja ta’ kuljum,” qalet il-Ministru Dalli, filwaqt li fakkret ukoll kif ix-xogħol tajjeb li qed tagħmel Malta fis-settur tal-klima kien irrikonoxxut ukoll f’analiżi indipendenti mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u l-qafas tal-Climate Scanner.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima saħaq li, “Bħala Gvern impenjati li nagħmlu l-iskejjel tagħna mudell ħaj ta’ sostenibbiltà. Proġetti bħal dan ma jsaħħux biss l-infrastruttura tal-iskejjel, iżda joffru wkoll opportunità edukattiva reali lit-tfal tagħna biex jifhmu, jaraw u jgħixu l-valuri tal-enerġija nadifa. Din il-kollaborazzjoni hija pass ieħor biex nibnu skejjel aktar moderni, effiċjenti u sostenibbli, u se nkomplu naħdmu biex dan l-approċċ jinfirex fuq aktar skejjel madwar il-pajjiż.”
L-ewwel erba’ skejjel f’dan il-proġett huma l-iskola primarja tal-Għargħur, il-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop, Primarja Santa Klara ta’ San Ġwann u l-iskola primarja tal-Kulleġġ San Nikola fil-Wardija. Is-sistemi fotovoltajċi f’dawn l-iskejjel se joffru kapaċità totali ta’ 228 kWp, biżżejjed biex jagħtu enerġija lil madwar 83 dar fis-sena. Dan il-proġett se jikkontribwixxi għal tnaqqis ta’ madwar 139 tunnellata metrika ta’ emissjonijiet ta’ CO2 fis-sena.
L-Inġ. Abigail Cutajar, Kap Eżekuttiv tal-Climate Action Authority, spjegat kif wara ftit tax-xhur ilu ġie ffirmat Memorandum of Understanding mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, telqet mill-ewwel il-ħidma fuq dan il-proġett. “Dan hu proġett importanti għal din l-awtorità li ilha teżisti biss ftit iktar minn sena. Fuq il-mudell tiegħu se nkunu qed inwettqu proġetti oħrajn. Meta ħtarna l-Climate Coordinators f’kull Ministeru dan sar biex inkunu effettivi f’ħidmitna u fil-fatt din mhux l-ewwel kollaborazzjoni. Konna parteċipi fi skema ta’ vouchers biex familji vulnerabbli jieħdu carbon filters tal-ilma b’xejn u ma’ Transport Malta u l-Università ta’ Malta kkoperajna wkoll fuq proġetti ta’ solar car ports fejn l-istudenti ddisinjaw l-ideat tagħhom li issa rridu nippjanaw kif se nagħtuhom il-ħajja. Dan hu l-istil li qbadna u se nibqgħu naħdmu bih,” qalet l-Inġ Cutajar.

