Sunday, December 22, 2024

Enfasi fuq għajnuna lill-uffiċjali li jgħaddu minn trawma waqt il-qadi ta’ dmirijiethom

Il-Ministru Byron Camilleri jirreferi għal każi li mhux kulħadd lest jaffaċċja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tim ta’ uffiċjali Maltin fosthom membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u dawk mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ftit tal-ġimgħat ilu rkupraw aktar minn 90 katavru waqt assistenza umanitarja fil-Libja. Fost dawn huma kellhom jirkupraw anke tfal b’tali mod li ħafna minnhom bħala missirijiet setgħu jaraw familji jitkissru minħabba għargħar li ħadd ma kellu kontroll fuqu u għalhekk kollha kemm huma kienu ġew referuti għal dan is-servizz. Iddikjara dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri fi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari mressqa mid-Deputat Laburista Randolph Debattista li staqsa dwar it-taħriġ relatat mas-saħħa mentali li qegħdin jingħataw il-Pulizija.

Il-Ministru Camilleri kompla biex jelabora li s-saħħa mentali llum kulħadd huwa iktar konxju dwarha u fejn qabel kienet daqsxejn iktar taboo li persuna titkellem, illum hija xi ħaġa tajba li dawn il-persuni qegħdin joħorġu iktar fl-apert.

Huwa kompla biex iżid li madanakollu hija xi ħaġa tajba wkoll jekk kollha kemm aħna nassistu u ngħinu persuni li jkollhom xi diffikultajiet jew bżonn ta’ għajnuna marbuta mas-saħħa mentali.

Il-Ministru Camilleri qal li mhuwiex biss il-korp tal-Pulizija li jingħata dan it-taħriġ speċjalment il-korpi dixxiplinati li jaqdu rwol differenti minn ta’ ħafna. Huwa rrefera għal dawk li xogħolhom ilaqqagħhom ma’ persuni li jaslu jagħmlu suwiċidju, persuni mejta, sparaturi u salvataġġi fuq il-baħar, fost affarijiet koroh li mhux kulħadd ikun jixtieq jara speċjalment meta dawn ikunu jinvolvu minuri.

Il-Ministru Camilleri rrefera anke għal uffiċjali tal-Forzi Armati li mhux l-ewwel darba li kellhom ifittxu u jtellgħu bla ħajja mill-baħar kollegi tagħhom stess u għalhekk issir referenza għall-programm ta’ għajnuna li jagħti assistenza lil dawk il-ħaddiema li jkollhom bżonn biex dawn jiġu megħjuna minħabba t-trawma li jkun għaddew minnha.

Ekonomija

Sport