“Is-servizz tas-saħħa huwa bżonn mhux lussu u l-aċċess għal mediċini affordabbli għall-pazjenti kollha fl-Unjoni Ewropea għandu jkun parti ċentrali minn kull miżura leġislattiva futura dwar il-farmaċewtiċi fl-UE.”
Dan qalu l-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer waqt konferenza ta’ livell għoli organizzata minn Politico ftit siegħat qabel ma l-Kummissjoni Ewropea se tkun qed tniedi l-pakkett ta’ miżuri leġislattivi dwar il-farmaċewtika.
Il-konferenza ġabret flimkien diversi esperti li jaħdmu fuq is-saħħa għal diskussjoni dwar il-mod li bih l-Ewropa tista’ ttejjeb l-aċċess għall-mediċini u żżid l-innovazzjoni fis-settur tas-saħħa.
Il-Pakkett Farmaċewtiku se jkun l-ewwel aġġornament tal-leġislazzjoni tal-farmaċewtika tal-UE f’għoxrin sena.
Waqt il-konferenza l-MPE Engerer iffoka fuq l-inugwaljanzi sinifikanti li jeżistu bejn Stati Membri differenti fejn jidħol l-aċċess għal mediċini affordabbli fl-Ewropa.
“Huwa tassew ħasra li għadna nitkellmu dwar swieq żgħar u kbar fejn jidħol l-aċċess għall-farmaċewtiċi fil-livell tal-UE. Fir-realtà, għandna suq uniku wieħed li suppost jaħdem fil-prattika biex jiżgura li l-pazjenti kollha irrispettivament minn fejn ikunu ġejjin, ikollhom aċċess ugwali għal mediċini affordabbli fl-Ewropa.”
Engerer tkellem ukoll dwar il-mod kif l-industrija għandha tkun inċentivata biex tiżgura aċċess aħjar għall-mediċini mill-pazjenti Ewropej.
“Inċentivi għall-industrija għandhom jingħataw biss jekk din tkun marbuta li tqiegħed l-mediċini tagħha fl-Istati Membri kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom. Huwa pjuttost sorprendenti li rridu nikkonvinċu lill-industrija biex tbigħ aktar mill-mediċini tagħha stess peress li wħud jużaw mudelli ta’ negozju li jintużaw biss normalment għal oġġetti ta’ lussu”, qal Engerer.
L-MPE Engerer irrefera wkoll għall-ħtieġa li l-Ewropa ssir aktar reżiljenti billi żżid l-isforzi tagħha biex tikkompeti fuq livell internazzjonali mal-Istati Uniti u ċ-Ċina fejn tidħol l-innovazzjoni. Engerer wissa li l-Ewropa qed titlef nies ta’ talent li qed jagħzlu li jimxu lejn kontinenti oħra u li hemm bżonn azzjoni urġenti biex tiġi indirizzata din ir-realtà.
Engerer temm jgħid li l-Unjoni Ewropea jkun jaqblilha li jkollha wkoll aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fejn jidħol l-aċċess għal trattamenti għal mard rari.
In-negozjati dwar il-Pakkett Farmaċewtiku fil-Parlament Ewropew mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin bil-għan li jiġu addottati l-miżuri legislattivi l-ġodda qabel tmiem il-mandat tal-Parlament is-sena d-dieħla.