Sunday, December 22, 2024

Entitajiet tal‑Knisja jitolbu l‑ħelsien immedjat ta’ ċittadini Etjopjani detenuti

Aqra wkoll

Il‑persuni mill‑Etjopja li qed jinżammu u jiffaċċjaw deportazzjoni wara li ilhom is‑snin jgħixu u jaħdmu legalment f’Malta għandhom jinħelsu minnufih. Dan qaluh il‑Kummissjoni Migranti, il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u JRS Malta lill‑awtoritajiet.

Iż‑żewġ kummissjonijiet, li huma parti mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta, u JRS Malta jikkundannaw bis‑sħiħ l‑arrest riċenti ta’ diversi Etjopjani, li bħalissa jinsabu miżmuma u ġew mgħarrfa li se jintbagħtu lura l‑Etjopja.

Huma appellaw lill‑membri parlamentari kollha, speċjalment il‑Kumitat dwar l‑Affarijiet Soċjali, biex jiltaqgħu u jiddiskutu dawn l-azzjonijiet b’urġenza biex b’ħidma mal‑għaqdiet tas‑soċjetà ċivili jkunu jistgħu jsibu soluzzjoni li tirrispetta d‑drittijiet tal‑persuna u tipproteġi lil kull membru fis-soċjetà tagħna.

It‑tliet entitajiet ħeġġew ukoll lill‑awtoritajiet biex joħolqu proċeduri realistiċi ta’ regolarizzazzjoni għal dawn l‑Etjopjani kif ukoll għal individwi oħra.

“Aħna nqisu dawn l‑azzjonijiet riċenti bħala inġusti, bla distinzjoni u krudili u nappellaw lill‑Gvern biex jeħles minnufih lil dawn l‑individwi u jirregolarizza l‑pożizzjoni tagħhom,” qalu l‑entitajiet fi stqarrija konġunta.

L‑entitajiet appellaw lill‑awtoritajiet biex jagħtu widen il‑messaġġ li għadda l‑Papa Franġisku waqt l‑Udjenza Ġenerali tal‑bieraħ, li kien dedikat lill‑immigranti kif ukoll faħħar lis‑Samaritani t‑tajba li jħabirku biex jgħinu u jsalvaw il‑migranti feruti u abbandunati fir‑rotot ta’ tama ddisprata, fil‑ħames kontinenti.

“Dawn l‑irġiel u nisa qalbiena huma sinjal ta’ umanità li ma tħallix li tiddakkar mill‑kultura ħażina tal‑indifferenza u tal‑iskart: dak li joqtol il‑migranti hu l‑indifferenza tagħna u l‑atteġġjament ta’ skart,” qal il‑Papa Franġisku.

It‑tliet entitajiet qalu li dawn l‑Etjopjani huma fil‑mira bl‑iskuża li ġew Malta b’mod irregolari biex ifittxu l‑ażil, li dak iż‑żmien ma ngħatax. Minkejja dan, ħafna minnhom qattgħu s‑snin — f’ċerti każijiet sa 17‑il sena — jgħixu u jaħdmu bl‑għarfien u bl‑awtorizzazzjoni tal‑awtoritajiet, li tawhom liċenzji tax‑xogħol u permessi ta’ residenza.

Matul is‑snin ikkontribwew għas‑soċjetà u saru parti integrali mill‑komunità, kif ukoll ħallsu t‑taxxi u l‑kontribuzzjonijiet tas‑sigurtà soċjali tagħhom.

“Huma impjegati stmati u mħarrġa, li l‑esperjenza tagħhom se tkun diffiċli biex tiġi sostitwita. Huma ġirien tagħna, kollegi tagħna, ħbieb tagħna, in‑nies li jsellmulna fit‑triq, li jieħdu ħsieb il‑qraba anzjani tagħna, u li naddfu s‑swali tal‑isptar tagħna waqt il‑pandemija tal‑COVID‑19,” qalu l‑entitajiet.

Dawn l‑azzjonijiet huma wħud minn sensiela ta’ raids li qed iwasslu biex għexieren ta’ migranti li jqisu Malta bħala darhom, spiċċaw qed jinżammu maqfula u b’ħajjithom maqluba ta’ taħt fuq bla ebda twissija, waqt li qed isiru l‑preparamenti meħtieġa biex jintbagħtu fil‑pajjiż tal‑oriġini tagħhom.

Lil hinn mill‑konsegwenzi li tali azzjonijiet iħallu fuq dawn il‑persuni, inħolqot klima ta’ biża’, diskriminazzjoni u insigurtà fost il‑membri ta’ dawn il-komunitajiet li matul is‑snin ikkontribwew għall‑ġid ta’ kulħadd. Dawn l‑azzjonijiet huma tfakkiriet kostanti mill-Istat li jista’ faċilment, b’mod arbitrarju u indiskriminat jgħaffeġ fuq dak kollu li dawn il‑membri tas‑soċjetà bnew permezz tas‑sagrifiċċji u l‑ħidma ħabrieka tagħhom.

“Prattiki u policies inġusti bħal dawn joħolqu biża’ u diskriminazzjoni, u jdgħajfu l-qafas fundamentali tal‑komunitajiet tagħna,” qalu l‑entitajiet tal‑Knisja.

L-entitajiet tal-Knisja fakkru f’dak li kiteb Papa Franġisku fl-enċiklika Fratelli Tutti, li s‑soċjetà għandha tkun mibnija fuq ir‑rispett, il‑fiduċja, is‑solidarjetà u r‑rikonoxximent tad‑“dinjità inaljenabbli ta’ kull persuna umana lil hinn mill‑oriġini, mill‑kulur tal‑ġilda jew mir‑reliġjon, u l‑liġi l‑aktar għolja tal‑imħabba tal‑aħwa”.

Ekonomija

Sport