Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Niftakar l-ewwel darba meta kont għaddejja mnejn il-grawnd ta’ Ħal Tarxien f’raħal twelidi ta’ ħames snin, fejn ommi u missieri ma damux ma ħasbuha sabiex jinvolvuni f’dan l-isport. Kelli ħafna enerġija x’naħli, allura l-futbol nemmen li minn dejjem kien mhux biss sors ta’ żvog, iżda wkoll ta’ żvilupp. Jekk xi ħaġa tkun ġewwa fik u tħobb tagħmilha, u jkollok ambjent xieraq fejn tista’ tipprattika u tagħmel dan, ħadd u xejn m’għandu jwaqqfek. Bħalma jgħidu bl-Ingliż, “the sky is the limit”.
Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Valletta FC?
Ninsab ħerqana f’ambjent sabiħ u klabb ġdid, entużjasta u lesta li nagħti kollox sabiex bħala tim niksbu post tajjeb kif għandu jkun it-tim ta’ Valletta FC fil-klassifika.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Lija Athletic FC.
Is-sentejn li għamilt ma’ Lija Athletic FC kienu ferm importanti fil-karriera tiegħi. Kienu sentejn li ħadt esperjenza aktar fil-fond ta’ xi tfisser tilgħab fil-kampjonat tal-kbar tan-nisa.
Kif tqis il-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?
Għalkemm sfortunatament minn tmien timijiet spiċċajna sitta din is-sena, bħalissa nemmen li din is-sena il-kampjonat se jkun ferm aktar kompetittiv. Bħal dejjem, għalkemm ħafna xogħol qed isir sabiex il-logħba tal-futbol tan-nisa f’Malta tkompli tikber, ninsab ħafna diżappuntata mill-konsistenza li sfortunatament tkun ta’ detriment kemm għalija bħala plejer mat-tim tal-kbar, kif ukoll għall- ġenerazzjonijiet ta’ warajja.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Bħala riżorsi fejn nitħarrġu, il-klabb qed jipprova jagħmel minn kollox sabiex jakkomoda lill-plejers sabiex nilħqu l-objettivi tagħna dan l-istaġun. Iżda ma jistax jonqos li ngħid li mhux il-klabb ta’ Valletta FC isib ruħu f’diffikultà rigward riżorsi. Rigward kompetizzjonijiet, ma ngergirx, iżda nemmen li għandu jkun hemm aktar infurzar fuq refereeing jekk irridu vera nkomplu naraw il-logħba tkompli tiżviluppa. Kellna każijiet fejn ġew referees tard għal-logħob, jew inkella tittieħed deċiżjoni li ma tagħmilx sens, u saħansitra ġieli konna nispiċċaw mingħajr ‘first aider’.
Xtaqt inżid ukoll fuq riżorsi, li hemm bżonn ta’ aktar nies iffokati fuq il-qasam ta’ ‘Strength’ u ‘injury prevention’. Il-ġisem tal-mara huwa differenti minn dak tar-raġel, u għalhekk in-nisa jeħtieġu protokolli differenti ta’ taħriġ, sabiex dawn l-injuries tant frekwenti li qed iseħħu, kemm jista’ jkun mhux naħarbu minnhom iżda nnaqqsuhom!
Kif tqis il-mentalità tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?
Il-mentalità tal-isport f’pajjiżna nemmen li l-ġenerazzjonijiet tal-lum aktar imtellgħin sabiex dejjem jieħdu dak l-ewwel post – kulħadd għatxan sabiex dejjem ikun rebbieħ. Niffokaw ħafna fuq id-destinazzjoni mingħajr ma nagħtu każ il-vjaġġ. Huwa għalhekk importanti li jkompli jsir aktar għarfien bħal ma qed isir minn naħa tal-MFA mil-proġetti ta’ suċċess bħall-‘After School Project’, pereżempju, sabiex ikompli jitrawwem il-kunċett ta’ ‘long-term development’.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?
Nemmen li l-esperjenza li ġibt ma’ Lija Athletic FC u ma’ klabbs qabel, u l-potenzjal tiegħi li se nkompli niżviluppa mal-klabb il-ġdid tiegħi Valletta FC, għandhom iservu ta’ tarka importanti sabiex inkompli nilgħab aktar fit-tul, u min jaf, nerġa’ nilbes il-flokk tan-nazzjonal u nirrapreżenta lil art twelidi barra minn xtutna.
Għaddi messaġġ finali speċjalment lil dawk il-bniet u tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Taqta’ qalbek qatt, anke jekk taħseb li xi ħaġa mhux se tirnexxi f’ħajtek, dejjem ftakar għalxiex bdejt – minn hemmhekk għandu jiġi l-entużjażmu. Il-konsistenza hija importanti f’kollox, hekk għandu jkun fil-logħba tal-futbol!