Il-midfielder internazzjonali tal-Arġentina, Enzo Fernandez, ħabbar li jrid jibqa’ ma’ Benfica fost rapporti li teżisti possibbiltá li jista’ jingħaqad ma’ Chelsea.
Fir-ritorn tiegħu ma’ Benfica liema partita kienet valida mit-Tazza Portugiża, Enzo Fernandez skorja fir-rebħa ta’ 2-0 kontra Verzim u waqt iċ-ċelebrazzjoni tiegħu quddiem il-partitarji, huwa beda jbus l-arma tal-club fuq il-flokk li kienet indikazzjoni li huwa se jibqa’ mal-club.
Chelsea kienu l-aktar club interessat biex jikseb il-firma ta’ dan il-player ta’ 22 sena iżda t-talba tal-club Portugiż kienet dik ta’ €120 miljun.
Fil-bidu, Fernandez kien ħerqan li jmur jilgħab fi Stamford Bridge fejn saħansitra kien ikkritikat mill-partitarji u anke mgħajjar bħala tradituri hekk kif ittardja r-ritorn tiegħu wara r-rebħ tat-Tazza tad-Dinja mal-Arġentina.
Dan id-dewmien tiegħu ta wieħed x’jifhem li huwa kien qed ikaxkar saqajh biex jirritorna għat-taħriġ filwaqt li ż-żewġ clubs kienu qed jinnegozjaw it-trasferiment tiegħu.
Iżda Fernandez aċċerta li se jibqa’ ma’ Benfica.