Mil-lum sal-Ħamis tintlagħab l-14-il ġurnata tal-Premier League Ingliż bl-akbar attrazzjoni tkun il-konfront bejn Arsenal u Manchester United, fl-Emirates Stadium.
Bla dubju, din hija partita delikata għal Arsenal meta jaffrontaw lil team li ġej minn rebħa ta’ 4-0 fuq Everton hekk kif il-manager il-ġdid, Ruben Amorim, qed jagħtihom direzzjoni ġdid.
Min-naħa tal-Gunners, dawn ukoll ġejjin minn rebħa emfatika ta’ 5-2 għand West Ham iżda l-pressjoni tinsab kollha fuqhom minħabba li jridu jżommu l-pass mal-leaders Liverpool.
Friski mir-rebħa ta’ 2-0 fuq Manchester City, Liverpool imorru għand Newcastle United li ġejjin minn draw ta’ 1-1 għand Crystal Palace. Minkejja li r-Reds jibdew bħala favoriti, il-Magpies kapaċi jqumu għall-okkażjoni.
Manchester City, li ilhom ma jirbħu għal dawn tal-aħħar seba’ partiti fil-kompetizzjonijiet kollha li fihom ġew megħluba sitt darbiet, iridu jagħrfu kif jirriorganizzaw lilhom infushom meta jilqgħu lil Nottingham Forest li ġejjin minn rebħa ta’ 1-0 fuq Ipswich.
Il-ġlieda kontra r-relegazzjoni qed tintensifika ruħha meta hemm tmien timijiet involuti fiha. F’żewġ logħbiet diretti, Leicester u Everton jilqgħu lil West Ham u lil Wolves rispettivament li kollha ġejjin minn telfa.
Southampton għandhom partita diffiċli kontra Chelsea filwaqt li Crystal Palace imorru jilagħbu għand Ipswich.
Is-Saints u l-Palace ġejjin minn draws identiċi ta’ 1-1 kontra Brighton u Newcastle rispettivament.