Għall-ewwel darba, EquestriMalta – l-awtorità regolatorja li tappoġġja l-isport kollu taż-żwiemel – se tkun qed ittella’ ‘Fiera Żwiemel’. L-avveniment se jsir ġewwa l-MonteKristo, is-Sibt 4 ta’ Ottubru mis-6pm ’il quddiem, u l-Ħadd 5 ta’ Ottubru mid-9am sa wara nofsinhar. Id-dħul għall-fiera huwa b’xejn u mistennija tattira konkorrenza sabiħa.
Il-programm se jinkludi spettaklu varjat u oriġinali li jispikka b’diversi wirjiet ta’ żwiemel b’abbiltajiet differenti u karozzelli tradizzjonali. Se jkun hemm ukoll logħob tal-polo kemm is-Sibt kif ukoll il-Ħadd, b’parteċipazzjoni mill-Island Polo Club u l-Malta Polo Club. Il-Ħadd filgħodu, il-Malta Equestrian Federation se torganizza programm sħiħ ta’ avvenimenti, kif ukoll it-tberik taż-żwiemel bħala parti minn tradizzjoni antika.
Il-fiera ma tistax tkun nieqsa minn attrazzjonijiet għal kull età. Se jkun hemm sezzjoni ta’ simulaturi u żoni bil-ponijiet għat-tfal, kif ukoll stands varji b’oġġetti, prodotti u ħwejjeġ relatati maż-żwiemel u mal-isport ekwestri. Barra minn hekk, se jsiru wkoll esebizzjonijiet u diskussjonijiet dwar l-inġenji tradizzjonali u antiki taż-żwiemel.
Mistennija jieħdu numru ta’ assoċjazzjonijiet u gruppi volontarji flimkien ma’ bosta dilettanti u entitajiet oħra relatati. Il-fiera toffri opportunità unika biex wieħed jesperjenza d-dinja taż-żwiemel, kemm minn perspettiva sportiva u kemm minn waħda kulturali u tradizzjonali.