Tuesday, December 10, 2024

ERA ĠDIDA B’THEDDIDA T’INSTABBILTÀ TOĦLOQ FUTUR INĊERT FIS-SIRJA

Aqra wkoll

Proprju lbieraħ rajna il-waqgħa tar-reġim ta’ Assad. Waqgħa li kif mistenni waslet għal ewforija kbir minn għadd kbir ta’ Sirjani madwar id-dinja li spiċċaw kellhom jaħarbu minn pajjiżhom minħabba r-ripressjonijiet li kienu qegħdin jitwettqu. Ma kinux sorpriża x-xeni ta’tkissir u vjolenza oħra. Rajnihom f’episodji oħra fil-passat.

Qegħdin jissemmew diversi xenarji. Kif hemm min anke għaġġel u beda jaħseb li fis-Sirja se jkun hemm tmexxija demokratika. Dan huwa dak mixtieq. Imma, ir-realtà hija ferm ‘il bogħod minn hekk. Illum, s’issa, hemm biss realtà waħda – li waqgħa tar-reġim ta’ Assad u li dan ħarab mill-pajjiż.

Dan wassal biex intemmet era. Perjodu ta’ 54 sena ta’ tmexxija tal-dinastija ta’ Assad fis-Sirja. Tmexxija li ħolqot vittmi u mártri. Tmexxija li minħabba r-rivoluzzjoni ta’ 13-il sena, ħafna spiċċaw tilfu ħajjithom. Oħrajn spiċċaw fil-ħabsijiet. 

It-tmiem ta’ era ġġib twassal biex tinħoloq era ġdida oħra għas-Sirja. Il-mistoqsija hija x’se tkun din l-erà ġdida? Liema direzzjoni se jieħu dan il-pajjiż? Se jkun hemm dittatura oħra? Possibbli xi ħadd jgħaqqad flimkien il-forzi differenzi li hemm fis-Sirja?  S’issa ħafna minn dan mhuwiex ċar u tweġibiet għal dan ma nafuhomx.

Li wieħed jista’ jagħmel huwa li janalizza l-aħħar episodji ta’ l-aħħar 11-il jum. Episodji u ġrajjiet li minnhom wieħed jista’ jqabbilhom ma’ ġrajjiet oħra li seħħew qabel u għal xhiex kienu wasslu.

Huma diversi dawk li bdew jistaqsu kif wara rivoluzzjoni li kienet ilha għaddejja u li għamlet żoni fis-Sirja ħerba, kellek din l-offensiva li fi 11-il jum biss waqqgħet lil dan ir-reġim. 

L-Istorja dejjem urietna li r-reġimi dittatorjali jaqgħu meta jsiru kunfidenti żżejjed u meta jibdew jaħsbu li ħadd u xejn ma jista’ jneħħihom mill-poter. Dan huwa dak li ġara fis-Sirja. Reġim li ħaseb li għax immassakra n-nies, li għax werwer lil nies b’ħafna kellhom jaħarbu, kien se jibqa’ fil-poter għax kellu l-armata u fil-pajjiż kien hemm renju ta’ biżgħa. Sakemm reġim ikun ‘paranoid’ dwar pjani minn taħt li jista’ jitneħħa, anke jekk dawk il-pjani ma jkunux jeżistu, huwa diffiċli li dak l-istess reġim jitneħħa mill-poplu. Huwa meta jibda jaħseb li l-poplu ma jistax jirbaħlu, li dak ir-reġim ikun f’riskju li jaqa’.

F’dak li ġara fis-Sirja u li ovvjament rajnieh isir qabel f’rivoluzzjonijiet oħra, rajna gruppi ta’ nies f’żoni diversi, gruppi mhux neċessarjament b’istess ideali, jingħaqdu u jattakkaw lir-reġim. Rajna vjolenza u tkissir. Rajna monumenti jitwaqqgħu. Rajna diversi istituzzjonijiet jiġu attakkati.

U hawn tqum mistoqsija pertinenti. Fil-passat meta ġara hekk, jiġifieri kellek vjolenza qawwija biex tneħħa reġim, kellek xejra li f’dak l-istess pajjiż telgħu dittaturi oħrajn bħalma ġara fil-każ ta’ Kuba, l-Iran, l-Unjoni Sovjetika u l-Vjetnam fost oħrajn. Fl-Ewropa wkoll kellna rivoluzzjoni fi Spanja fost oħrajn li wasslet għad-dittatura.

Huwa fatt li jnikket li f’ħafna mir-rivoluzzjonijiet hemm din ix-xejra. Rivoluzzjonijiet li jkunu taw tama kbira lill-poplu. Tama għal ħelsien u l-libertà. Tama għal dik imsejħa ‘Constitutio libertatis’, jiġifieri spazju politiku ħieles għaċ-ċittadini li jfisser b’mod reali li n-nies huma liberi u kollha stmati indaqs.

Fil-każ tas-Sirja għadu kmieni ħafna biex wieħed jipprevedi x’se jiġri. Li wieħed jista’ jagħmel huwa li jżomm ix-xenarji storiċi f’moħħu u b’dak li se jkun qiegħed isir fiż-żmien li ġej, wieħed jibda jara xi triq se tittieħed.

F’din l-era ġdid Sirjana hemm it-theddida ta’ aktar instabbilità li tfisser li l-futur tas-Sirjani huwa inċert. 13-il sena ilu, id-dittatur li kellu jaħrab Bashar al-Assad għeleb brutalment rewwixta paċifika u favur id-demokrazija. Wara segwiet gwerra ċivili orribbli. Gwerra ċivili li qatlet aktar minn nofs miljun ruħ u ġiegħlet 12-il miljun oħra jaħarbu minn djarhom.

Sitwazzjoni li wasslet bier illum hemm aktar minn 80 fil-mija tal-popolazzjoni li hija fil-bżonn ta’ għajnuna umanitarja peress li l-ekonomija hija litteralment imkissra mill-gwerra. Sitt miljun refuġjati ħarbu mill-pajjiż. Hemm sitt miljun persuna oħra spostati fil-pajjiż innifsu.

Ix-xenarju nbidel meta l-grupp Iżlamiku kontra l-gvern imsejjaħ “Hayat Tahrir al-Sham” mexxa offensiva kbira fil-Majjistral, flimkien mal-fazzjonijiet alleati. Minn hemm intrebħu bliet strateġiċi fosthom Aleppo, Homs u mbagħad il-mixja baqgħet sejra lejn il-kapitali Damasku u finalment il-ħarba ta’ Assad.

13-il sena ilu ir-rivoluzzjoni bdiet proprju wara sensiela ta’ rivoluzzjonijiet fl-Afrika ta’ Fuq. L-Eġittu, it-Tuneżiaj u l-Libja. Rivoluzzjonijiet li kienu ssejħu r-Rebbiegħa Għarbija u llum mhux sorpriża li l-ewwel reazzjoni tkun li wieħed iqabbel il-waqgħa tar-reġim ta’ Assad ma’ dak li seħħ dakinhar u x’irriżulta wara.

Lil hinn minn dan imma, proprju 45 sena ilu fl-1979 , kienet seħħet ir-rivoluzzjoni Iżlamika fl-Iran, li fiha tneħħa l-Istat Imperjali tal-Iran immexxi minn Mohammad Reza Pahlavi u flok nħatar l-Ayatollah Khomeini. 

Fil-każ tas-Sirja l-familja Assad kienet ilha tmexxi s-Sirja b’id tal-ħadid mill-1971, jiġifieri 54 sena. Ħafna Sirjani, għexu biss taħt id-dittatorjat u demokrazija qatt ma esperjenzawha. Kien għalhekk li ħafna nies kważi kważi lanqas bdew jemmnu li r-reġim spiċċa. Ħarġu barra ma jafux x’qiegħed jiġri. Jafu li ġara xi ħaġa imma kważi kważi lanqas qegħdin jemmnu. 

Anke l-priġunieri meħlusin minn ħabs f’Damasku kienu xxukkjati u konfużi, u kważi kważi lanqas bdew jemmnu li r-reġim ta’ Assad waqa’.

M’hemmx dubju li wara t-tmexxija dittatorjali, it-tranżizzjonijiet lejn id-demokrazija huwa vjaġġ diffiċli. Dan rajnieh fil-passat. Nistgħu nħarsu lejn il-Libja u l-Iraq ukoll.  

Is-Sirja issa tista’ tieħu żewġ toroq  – dak li tispiċċa fit-taqlib soċjali, reliġjuż u etniku jew inkella b’ħidma bil-għaqal u kkordinata  jinbeda l-proċess għall-bini ta’ nazzjon. Nazzjon li frid ikollu gvern inklużiv li jintegra popolazzjoni diversa ta’ ħafna komunitajiet.

Dan ma jsirx mil-lum għal għada. Dan huwa proċess li jieħu snin. Jekk tittieħed din it-triq  id-diffikultajiet mhux se jonqsu. Dan għax aktar minn ħamsin sena ta’ dittatorja ħalla popolazzjoni u pajjiż imkisser flimkien ma’ vojt kbir fil-poter.

Wara t-tneħħija ta’ Assad twiegħdet tranżizzjoni paċifika għal demokrazija sħiħa. Lil hinn dan, f’pajjiż bħas-Sirja, li strateġikament huwa importantissimu, m’hemm ebda dubju li l-forzi  esterni se jfittxu li jiksbu posthom fi kwalunkwe reġim ġdid. Wieħed jistenna li pajjiżi bħall-Iran u r-Russja li kienu alleati ta’ Assad, jerġgħu jingħaqdu biex ifittxu li jindaħlu aktar fl-attivitajiet tal-pajjiż. Iżrael min-naħa tiegħu diġà qiegħed juża truppi  mal-fruntiera mas-Sirja fl-Għoljiet tal-Golan.

U quddiem dan, ir-riskju ta’ aktar  instabbiltà huwa reali u ma’ dan jiżdied ir-riskju li jitfaċċa mill-ġdid l-Istat Iżlamiku. Dan għax il-kaos huwa l-aħjar xenarju li jista’ jkun hemm movimenti bħal dawn. 

Nittamaw li s-Sirja ssib triqitha biex dan il-poplu li tant ilu jbati, jerġa’ jikseb il-ħelsien vera tiegħu. 

Ekonomija

Sport