Matul din is-sena seħħew erba’ delitti f’pajjiżna, b’każ ieħor kien jikkonsisti fis-sejba makabra ta’ katavru mqatta’ f’bagalja. Fost dawk maqtula fl-2024 kien hemm żewġ nisa.
L-ewwel omiċidju seħħ proprju fl-ewwel jum tas-sena meta Eric Borg, li kellu 27 sena, inqatel kiesaħ u biered fi Triq il-Fidloqqom, fir-Rabat. Huwa kien intlaqat minn żewġ tiri t’arma tn-nar u tħalla mejjet mixħut fuq il-bankina.
L-allegat aggressur kien ħarab minn fuq il-post iżda ġie arrestat ftit sigħat wara. Noel Azzopardi ta’ 39 sena kien tressaq fil-Qorti mixli bil-qtil ta’ Borg, bil-proċeduri fil-konfront tiegħu għadhom għaddejjin.
It-tieni delitt seħħ fit-13 ta’ Jannar f’Tas-Sliema. Sandra Milena Ramirez Prieto, Kolumbjana ta’ 43 sena, kienet instabet maqtula fl-appartament tagħha, b’diversi daqqiet ta’ sikkina.
B’rabta ma’ dan id-delitt qed jiġi mixli Kolumbjan ieħor ta’ 43 sena – Fabian Eliuth Garcia Parada. Fil-Qorti nstema’ kif il-vittma kienet qalgħet mas-26 daqqa ta’ sikkina, bl-imputat allegatament kien mar l-Għassa ta’ Tas-Sliema u infurmahom bil-qtil.
Parada qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, bil-każ għadu għaddej.
It-tielet vittma kien Jesmond Gatt ta’ 54 sena. Fit-13 ta’ Lulju li għadda huwa nstab mitluf minn sensieh u f’għadira demm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli u miet fl-Isptar Mater Dei fl-1 ta’ Awwissu kawża ta’ ġrieħi serji f’rasu.
Vuk Milic – Serb ta’ 23 sena, kien tressaq il-Qorti f’Ottubru mixli bil-qtil ta’ Gatt. Dan l-iżvilupp seħħ wara li l-Pulizija kienet waslitilha tagħrif mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi li l-akkużat kien fetaħ qalbu ma’ uffiċjal tal-Aġenzija dwar l-allegat involviment tiegħu fl-omiċidju.
F’Awwissu li għadda wkoll seħħ l-omiċidju ta’ Nicolette Ghirxi, li kellha 48 sena. Hija kienet instabet mixħuta mal-art fl-appartament tagħha f’Birkirkara. Irriżulta li din kienet inqatlet b’daqqiet ta’ sikkina bl-arma li possibilment intużat fid-delitt instabet ħdejn il-vittma.
L-allegat aggressur, Edward William Johnston – Irlandiż ta’ 50 sena, kien inqatel mill-pulizija f’San Ġiljan wara li dan beda jippunta arma tan-nar fid-direzzjoni tagħhom u minkejja li għal diversi drabi kienu ordnawlu biex iniżżel l-arma.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà kien spjega li fil-mument meta l-allegat aggressur kien se jagħti s-salt lejn wieħed mill-pulizija, bl-arma ppuntata lejh, dawn kienu kostretti li jisparawlu hekk kif ħajjithom kienet f’periklu imminenti.
Sadanittant, fid-9 ta’ Diċembru li għadda, instab katavru mqatta’ f’bagalja f’Tas-Sliema. Il-katavru rriżulta li kien ta’ raġel u mill-awtospja li saret fil-ġurnata ta’ wara sar magħruf li fl-instonku tiegħ kellu mal-102 kapsoli bid-droga.
Wara investigazzjonijiet intensivi, il-Pulizija kienet arrestat raġel Kolumbjan ta’ 43 sena u ressqitu fil-Qorti mixli li qatta’ katavru, poġġa l-partijiet tiegħu f’bagalja u mbagħad xeħtu fil-baħar.