Erba’ rġiel ta’ nazzjonalità Griega tressqu l-Qorti mixlija li sawtu kollega tagħhom b’mod vjolenti fir-residenza tiegħu u serqulu diversi oġġetti fosthom ġakketta li tiswa €500. Fil-Qorti nstema’ kif il-każ seħħ wara li l-allegat vittma kellu jagħti xi flus lill-imputati.
L-imputati huma Papalios Evangelos ta’ 29 sena, Paschalidis Christos Athanasios ta’ 27 sena, Kontogiannis Vasileios ta’ 33 sena u Voulgarakis Spyridion ta’ 30 sena.
Huma kienu mixlija li nhar il-Ħamis li għadda, bejn is-6.00 p.m. u d-8.45 p.m., f’residenza f’Birkirkara, ikkaġunaw ġrieħi gravi fuq Constantinos Siakkas u li serqulu l-kartiera li kien fiha flus kontanti u karti tal-kreditu, żewġt iġkieket u mobile phone.
L-imputati kienu mixlija wkoll li żammewh kontra l-volontà tiegħu, li użaw vjolenza inkluż dik morali u psikoloġika, li laqgħu għandhom ħwejjeġ misruqa jew meħuda b’qerq, li għamlu ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor u li ġarrew sikkina mingħajr liċenzja jew permess mingħand il-Kummissarju.
L-erbat irġiel, li fil-Qorti qalu li jaħdmu fil-qasam tal-gaming, wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom.
L-Ispettur Clayton Abela spjega ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest tal-imputati. Huwa qal li l-Ħamis li għadda kien infurmat b’rapport dwar serqa bi vjolenza li kienet tinkludi wkoll ikkaġunar ta’ ġrieħi gravi.
Qal li l-allegat vittma kien rikoverat l-Isptar Mater Dei u wara li ġie rilaxxat, mar l-Għassa tal-Pulizija fejn ta d-dettalji ta’ x’seħħ b’rabta ma’ dan il-każ. Huwa kien qal li kellu jagħti bejn 200 u 300 ewro lil xi persuni.
L-allegat vittma żied jgħid lill-pulizija li huwa kien niżel isfel biex jixtri pizza u meta rritorna lura fir-residenza tiegħu ħabbat il-bieb u xħin fetaħ daħlu l-imputati fir-residenza tiegħu u allegatament bdew jattakkawh, ħadulu diversi oġġetti u telqu minn fuq il-post.
Huwa kien reġa’ niżel isfel biex jitlob għall-assistenza u persuna ċemplet għall-ambulanza. Fil-Qorti nstema’ wkoll kif l-arrest tal-erba’ imputati kien seħħ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt. Il-ġakketta li tiswa €500 kienet instabet mill-pulizija iżda l-oġġetti l-oħra baqgħu ma nstabux.
Id-Difiża talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputati, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-gravità tar-reat u l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi, anke peress li l-imputati u l-allegat vittma jaħdmu fl-istess post tax-xogħol.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura serja tal-każ, il-biża’ li l-imputati jistgħu jaħarbu mill-pajjiż u r-riskju li jkun hemm intralċ ta’ provi. Għaldaqstant l-imputati baqgħu miżmuma taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Nicholas De Gaetano mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Clayton Abela. L-imputati kienu assistiti mill-Avukati Nicholas Mifsud u Silvan Pulis.

