Robert Sciberras, Anthony Xuereb, Salvatore Gemmellaro u Joseph Schembri ma nstabux responsabbli li partijiet minn pannelli fotovoltajċi waqgħu fuq raġel waqt li kienu qed jittellgħu fuq bejt ta’ dar fis-Swieqi.
Fost l-akkużati hemm id-direttur tal-kumpanija Electrofic fejn dawn ġew akkużati li fil-25 ta’ April tal-2019 b’nuqqas ta’ ħarsien tar-regolamenti, ikkaġunaw ġrieħi gravi lil raġel.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, irriżulta li Schembri kien hu li jmexxi l-kumpanija li kellha tinstalla l-pannelli.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-klijent Christopher Micallef kien tqabbad biex iġib krejn biex ikunu jistgħu jitellgħu l-pannelli. Dawn kellhom jiġi nstallati minn Gemmellaro u Xuereb.
Ġara li waqt li kienu qegħdin jitellgħu l-pannelli l-profiles tagħhom waqgħu u weġġgħu gravi raġel.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li Xuereb u Gemmellaro ma kellhom x’jaqsmu xejn mal-operat tal-krejn. Qalet ukoll li hija xi ħaġa tal-iskatament kif dawn tressqu l-Qorti u ġew akkużati b’dawn l-akkużi.
Il-Qorti qalet li wasal iż-żmien li traskuraġni bħal din tiġi sanzjonata u ddesriviet dan l-għemil bħala wieħed li jqarrab lejn dak li sejħet “malicous prosecution”.
Il-Maġistrat qalet li mill-provi li ġew ippreżentati quddiemha Sciberras kien ħalla f’idejhom biex jorbtu t-tagħbija u qalet li dan kien “impensabbli, li lanqas toħlomha u tmur kontra kull uqija ta’ buon sens u loġika”.
Il-Qorti qalet li hu l-operatur tal-krejn li jrid jara li t-tagħbija tkun marbuta sew. Qalet li hija tal-mistħija li Sciberra li kien qiegħed iħaddem il-krejn ipprova jitfa’ l-ħtija fuq żewġ ħaddiema li kulma kellhom jagħmlu hu li jinstallaw il-pannelli.
Sostniet li ma hemmx dubju li Sciberras naqas milli josserva għadd ta’ regolamenti dwar l-operat tal-krejn u żiedet li aġixxa b’mod traskurat u wara li seħħ l-inċident telaq minn fuq il-post. Fl-istess waqt qalet li l-prosekuzzjoni ma ressqet ebda prova li r-raġel li weġġa’, li llum huwa mejjet, weġġa’ gravi u għalhekk sostniet li ma ġiex pruvat xi ġrieħi ġarrab. Kien għal din ir-raġuni li hija ma sabet lill-ebda akkużat ħati waqt li żiedet li għalhekk l-“għemil skandaluż” ta’ Sciberras ma setax jiġi sanzjonat u punit mill-Qorti.