Friday, April 19, 2024

Erba’ Libjani jinżammu arrestati mixlija b’ħasil ta’ flus

Aqra wkoll

Erba’ Libjani b’ċittadinanza Maltija nżammu arrestati dwar €20 miljun f’ħasil ta’ flus.

Kien wara xhur ta’ investigazzjoni intensivi mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Finanjarji li wasslu biex titwettaq operazzjoni fejn ġew arrestati dawn il-persuni.

Huma tressqu l-Qorti s-Sibt filgħaxija fejn dehru quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras fejn ġew mixlija b’ħasil ta’ flus, b’assoċċjazzjoni, reati ta’ evażjoni ta’ taxxa, attività finanzjarja mingħajr liċenzja mill-awtorità kompetenti, fost reati oħra.

Intqal li allegatament dawn il-persuni kienu qed jgħaddu ammont konsiderevoli ta’ flus mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Waqt l-operazzjoni li seħħet fis-sigħat li għaddew ġew elevati żewġ vetturi lussużi, madwar €100,000 fi flus kontanti, ammont konsiderevoli ta’ ġojjellerija u ħwejjeġ tad-ditta, fost oġġetti oħra. 

L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ saru b’koordinazzjoni ma’ diversi entitajiet barranin fosthom l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, l-Italja u l-Europol.

L-ewwel żewġ Libjani li tressqu kienu Essam Mohammed Edarnawi, imwieled Tripli iżda jgħix is-Swieqi u għandu 48 sena, u Hesham Zayed, Libyan ta’ 45 sena li joqgħod il-Ħamrnu, li ċaħdu l-akkużi u ma talbux għall-ħelsien mill-arrest. 

Warajhom tressaq Tamel Ramadan Ali Hdidan, li għandu 41 sena u joqgħod Ħaż-Żabbar, li ġie akkużat li kien ħareġ flus mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fejn intqal li kien jiddikjara dawn il-flus f’isem Zayed.

L-aħħar li tressaq waqt is-seduta tal-bieraħ kien Khaled Baely, Libjan ta’ 48 sena li joqgħod il-Gżira. Huwa wieġeb mhux ħati u nżamm arrestat. Apparti mill-fatt li ntqal li kien attiv ħafna fit-trasportazzjoni tal-flus, ġie mixli wkoll li saq karozza li kienet misruqa mill-Ingilterra sa Malta. 

Sport