L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Kampjonati tad-Dinja tas-Snooker tal-Federazzjoni Dinjija tas-Snooker (WSF) ser ikunu ospitati fil-belt kapitali tal-Bulgarija, Sofia bejn it-Tnejn 19 ta’ Jannar u l-Ħadd l-1 ta’ Frar. L-ewwel parti jew aħjar fl-ewwel ħames t’ijiem ser isir l-Kampjonat tal-Juniors li huwa miftuħ għal dawk li ma għandhomx aktar minn 19-il sena.
Għal dan il-kampjonat tal-Juniors ser jieħdu sehem erba’ Maltin, żewġ żgħażagħ li huma fost l-aqwa żgħażagħ lokali li qed jippromettu sew f’dan l-isport, Xavier Rizzo ta’ 17-il-sena u Caiden Casha li għandu 14-il sena u t-tewmin, Carl u Craig Casha, aħwa ta’ Caiden, li għandhom biss 9 snin. Carl u Craig flimkien mal-plejer Ingliż, Tommy Fallon li bħalhom għad għandu 9 snin, ser ikunu l-iżgħar parteċipanti ta’ din l-edizzjoni.
Għal dan il-Kampjonati tal-Juniors ġew irreġistrati 80 plejer li ġejjin minn 20 pajjiż differenti. Wara nofs in-nhar il-Ħadd sar magħruf kif dawn ġew imqassma f’16-il grupp (ħamsa f’kull grupp) biex l-ewwel tnejn f’kull grupp jikkwalifikaw għar-round tal-aħjar 32 li jkun fuq format ta’ knock-out.
Fl-ewwel fażi kull plejer ser jilgħab erba’ logħbiet u l-erba’ plejers Maltin telgħu biex jilgħabu hekk:
Xavier Rizzo fi Grupp L flimkien ma Yashnai Parmar (16-il sena, Ingilterra), Cristian Mihai Huszti (18, Rumanija), Kai Nam Pang (17, Hong Kong) u Axel Wysoczański (14, Polonja).
Caiden Casha fi Grupp B flimkien ma Wang Xinzhong (15-il sena, Ċina), Dylan Smith (18, Ingilterra), Krzysztof Czapnik (15, Polonja) u Nikita Bazilevics (18, Latvja).
Carl Casha fi Grupp A ma Edward Jones (17-il sena, Ingilterra), Mikayel Nersisyan (14, Armenja), Christian Richter (17, Ġermanja) u Jovan Kutlesic (14, Serbja).
Craig Casha fi Grupp G ma Ayaan Iqbal (18-il sena, Skozja), Adam Abbas (13, Ingilterra), Alexandra Ceruta (15, Moldova) u Stefan Stachowiak (11, Polonja).
Joseph Casha, missier l-aħwa Casha, li barra li huwa plejer lokali stabbilit huwa coach tas-snooker, qed jakkumpanja l-kontinġent żgħir Malti.

