Monday, October 27, 2025

Erba’ midalji għal weightlifters Maltin fl-Isvizzera

Aqra wkoll

Tim ta’ weightlifters żgħażagħ Maltin irrappreżentaw lil Malta filċ-Challenge 210 Cup, li saret fi tmiem il-ġimgħa li għadda f’Tramelan, Svizzera, u kiseb riżultati eċċellenti kontra kompetizzjoni internazzjonali b’saħħitha. L-avveniment laqqa’ aktar minn 200 atleta minn 10 pajjiżi, li kkompetew f’diversi kategoriji ta’ età: U13, U15, U17, U20, Senior u Masters.

Id-delegazzjoni Maltija ddominat il-kategoriji iżgħar, billi kisbet erba’ midalji b’kollox — kisba importanti kemm għat-tim kif ukoll għall-Malta Weightlifting Association.

L-aqwa riżultati għall-Maltin ġew mingħand Aaliyah Gatt u Nathan Mifsud, li t-tnejn li huma ħadu l-ewwel post fil-kategoriji rispettivi tagħhom minkejja l-kompetizzjoni qawwija.

Aaliyah Gatt li qiegħda f’forma eċċellenti, iddominat il-grupp u rebbħet il-midalja tad-deheb fil-Youth U17. Hi għolliet 70kg fil-Snatch u 95kg fil-Clean & Jerk, u tejbet ir-riżultat tagħha meta mqabbel mal-prestazzjoni tagħha fi Spanja ftit jiem ilu.  Gatt kisbet ukoll it-tieni post fil-klassifikazzjoni finali tal-Junior U20.

Nathan Mifsud kompla jħalli l-marka tiegħu fix-xena internazzjonali, meta rebaħ id-deheb fil-Youth U15 u t-tieni post fil-Youth U17, fi grupp missielet li kien magħmul minn 17-il atleta. Mifsud wera konsistenza u potenzjal eċċezzjonali, billi għolla 89kg fil-Snatch u 109kg fil-Clean & Jerk.

Fil-grupp tal-Cadet U13, Mattias Mifsud kiseb midalja tal-fidda, b’riżultati ta’ 35kg fil-Snatch u 41kg fil-Clean & Jerk, li juru progress u potenzjal kbir.

Kaya Curmi Inguanez wkoll kellha kompetizzjoni mill-aqwa, fejn rebħet midalja tal-bronż fil-Junior U20, wara li għolliet 54kg fil-Snatch u 71kg fil-Clean & Jerk, b’differenza ta’ biss żewġ punti mil-midalja tal-fidda.

Thea Demanuele, li kienet qed tikkompeti għall-ewwel darba f’kompetizzjoni internazzjonali, irnexxielha tagħmel 39kg fil-Snatch u 47kg fil-Clean & Jerk.

Il-Malta Weightlifting Association faħħret lill-atleti għall-impenn u d-determinazzjoni tagħhom, u enfasizzat kif din il-kompetizzjoni tat esperjenza importanti għal kompetizzjonijiet internazzjonali futuri b’mod speċjali l-Kmapjonati tal-Unjoni Ewropea li se jsiru f’Malta bejn il-5 u 7 ta’ Diċembru li ġej.

Dawn il-kisbiet saru possibbli grazzi għall-appoġġ kontinwu ta’ SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport