Friday, February 13, 2026

Erba’ miljun turist żaru Malta fl-2025 … Il-gżejjer Maltin jirreġistraw livelli rekord fin-nefqa tat-turisti u l-ogħla żieda fl-iljieli fl-UE

Aqra wkoll

Matul is-sena li għaddiet, l-għadd ta’ turisti li ġew Malta qabeż l-4 miljuni li bejniethom iġġeneraw fl-ekonomija nazzjonali mhux inqas minn €3.9 biljun. Għalhekk, is-sena 2025 kienet sena oħra rekord fl-industrija tat-turiżmu.

L-ammont ta’ turisti li waslu Malta s-sena li għaddiet kien ta’ 12.9% aktar minn dak irreġistrat fis-sena ta’ qabel filwaqt li n-nefqa żdiedet bi 18.6% fuq is-sena ta’ qabel u 44% aktar mis-sena 2023. In-nefqa għal kull turist żdiedet ukoll b’mod sinifikanti, minn €924 għal €971. 

Aktar importanti minn hekk, b’aktar minn 25.4 miljun lejl li t-turisti qattgħu f’Malta, il-Gżejjer Maltin irreġistraw l-akbar żieda fl-Unjoni Ewropea, 11% aktar mill-2024. Fl-istess perjodu, iż-żieda medja tal-UE kienet ta’ 2%.

Filwaqt li ż-żieda fl-ammont ta’ turisti li waslu fil-pajjiż naqset minn 19.4% is-sena li għaddiet għal 12.9% din is-sena, Malta rreġistrat żieda ta’ 19% fl-inqas xhur li normalment fihom jaslu turisti, li jfisser tkabbir ikbar fix-xitwa milli fis-sajf.

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) ħabbret ir-riżultati tat-turiżmu għall-2025 waqt il-Konferenza Nazzjonali tat-Turiżmu l-Ħamis filgħodu, fil-preżenza tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg. 

“Ilħaqna livelli ta’ tkabbir bla preċedent hekk kif l-implimentazzjoni tal-istrateġija fit-tul tagħna għat-turiżmu qed tħalli r-riżultati mixtieqa. Dawn iċ-ċifri – bl-ogħla żieda fl-għadd ta’ ljieli (bed nights) irreġistrata fl-UE u żieda qawwija fin-nefqa tat-turisti – juru li l-azzjonijiet tal-Gvern fl-aħħar snin poġġew isem Malta fuq il-mappa globali tat-turiżmu, b’industrija li qed tinbidel b’pass mgħaġġel fid-direzzjoni t-tajba, hekk kif ippjanat fl-Istrateġija tat-Turiżmu u kif propost fil-Viżjoni Malta 2050, sabiex nattiraw turisti li huma lesti jonfqu iżjed għall-esperjenzi uniċi li joffru Malta u Għawdex,” qal Dr Borg.

Hekk kif fakkar lil dawk kollha involuti li dawn ir-riżultati tal-2025 ma jagħtux lok biex jieqfu jistinkaw u jaħdmu aktar, Dr Borg elenka diversi inizjattivi li għaddejjin biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-industrija, filwaqt li tiżgura li t-tkabbir tal-futur jitmexxa b’mod responsabbli, fosthom:

  • Tisħiħ fil-promozzjoni biex jiġi attirat turiżmu matul is-sena kollha, billi tiżdied il-konnettività b’enfasi fuq swieq ta’ valur ogħla, hekk kif il-pajjiż qed iħejji għall-ewwel titjiriet diretti bejn Malta u New York f’Ġunju li ġej, filwaqt li jestendi l-preżenza tiegħu f’reġjuni oħra simili li jintlaħqu b’titjiriet twal.
  • Wara konsultazzjoni pubblika fl-aħħar tas-sena li għaddiet, fil-ġimgħat li ġejjin il-Ministeru se joħroġ regolamenti ġodda biex jgħolli l-istandards u r-responsabbiltà tal-lukandi, ta’ propjetajiet li jinkrew għal żmien qasir (short term rentals) u postijiet oħra ta’ akkomodazzjoni turistika, sabiex dawn l-attivitajiet ikunu ta’ benefiċċju kemm għall-industrija kif ukoll għall-komunitajiet madwarhom.
  • L-MTA riċentement aġġustat l-allokazzjonijiet t’għajnuna finanzjarja u promozzjoni sabiex tagħti prijorità lil avvenimenti u esperjenzi ta’ valur miżjud li jeżaltaw il-kultura u l-wirt distint ta’ Malta u Għawdex, b’mod speċjali lil hinn mix-xhur ewlenin tat-turiżmu fis-sajf.
  • Il-Ministeru qed jikkordina l-proġetti pilota ta’ appoġġ lill-komunitajiet fil-Belt Valletta u fis-Swieqi, li permezz tagħhom entitajiet governattivi differenti qed iħejju biex fis-sajf 2026, jagħtu appoġġ addizzjonali ħalli jingħelbu l-isfidi relatati mat-turiżmu, bil-għan li din l-għajnuna tiġi estiża għal inħawi oħra madwar il-pajjiż.
  • Il-Gvern qed iżid ukoll l-investiment tiegħu f’attrazzjonijiet turistiċi u infrastruttura pubblika ta’ kwalità ogħla, bħar-riġenerazzjoni tal-Pjazza ta’ Buġibba, ir-riabilitazzjoni tal-Blue Lagoon u inizjattivi simili oħra.
  • L-MTA qed tmexxi wkoll lill-industrija biex tħaffef it-tranżizzjoni diġitali fis-servizzi kollha tat-turiżmu, billi tadotta għodod ġodda tal-Intelliġenza Artifiċjali biex tippjana u tmexxi aħjar it-turisti li jaslu fil-pajjiż, filwaqt li tkompli ttejjeb il-kampanji ta’ riklamar ta’ Malta f’pajjiżi oħrajn.

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg temm billi rringrazzja lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, lill-entitajiet governattivi l-oħra u lill-ħaddiema kollha ta’ din l-industrija, kif ukoll lil dawk kollha involuti, b’mod partikolari lill-komunitajiet lokali, għall-kontribut siewi tagħhom għall-iżvilupp tat-turiżmu f’Malta u Għawdex.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport