Ħidma konġunta bejn erba’ taqsimiet differenti tal-Korp tal-Pulizija wasslet għal suċċess ieħor fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga. F’din il-ħidma ġew arrestati erba’ persuni.
Fi stqarrija maħruġa mill-Pulizija ntqal li l-ħidma ta’ dawk mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga dwar il-movumenti ta’ persuni suspettati li qed jittraffikaw id-droga kien ilu għaddej għal diversi jiem. Kien fl-aħħar sigħat, li l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti mis-Sezzjoni tal-Klieb u mill- Pulizija mid-Distretti tal-Ħamrun u tal-Mosta, wettqu tfittxijiet f’residenzi, f’għelieqi, f’diversi rziezet u anke f’vetturi fil-Ħamrun, ir-Rabat u l-Mosta. Waqt dawn it-tfittxijiet il- Pulizija sabet madwar tliet kilogrammi droga, suspettata ħaxixa tal-kannabis.
B’rabta ma din is-sejba, il-Pulizija arrestaw tliet irġiel residenti r-Rabat u l-Mosta li għandhom 29 sena, 27 sena u 26 sena u mara ta’ 55 sena residenti l-Mosta.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Charmaine Galea qed tmexxi Inkjesta Maġisterjali rigward dan il-każ.