Friday, December 13, 2024

Erba’ persuni miżmuma ostaġġi għal għaxar sigħat sħaħ f’sinagoga f’Texas

Aqra wkoll

Erba’ persuni nżammew ostaġġi ġewwa sinagoga f’subborg ġewwa Dallas, Texas għal għaxar sigħat sħaħ. Dawn inħelsu qawwijin u sħaħ wara intervent delikat ħafna mill-forzi tas-sigurtà.

Il-każ żvolġa kmieni s-Sibt filgħodu meta numru ta’ persuni kienu qegħdin jattendu għal talb f’sinagoga ġewwa Colleyville. Hekk kif sar magħruf li hemm sitwazzjoni li qiegħda tiżvolġi ġewwa din is-sinagoga, il-pulizija ta’ Texas skejraw numru ta’ timijiet speċjalizzati kif ukoll numru ta’ negozjaturi tal-FBI marru fuq il-post fejn dawn qattgħu sigħat jitkellmu mal-aggressur. 

Ftit qabel din is-sitwazzjoni ġiet riżolta nstemgħu numru ta’ tiri t’arma tan-nar u anke splużjonijiet. Il-pulizija qalu li l-aggressur tilef ħajtu. Midja Amerikana qiegħda tirrapporta li b’kollox kien hemm erba’ persuni ostaġġi u fosthom kien hemm ir-rabbi tas-sinagoga. Waqt li seħħ dan il-każ, iċ-ċerimonja kienet qiegħda tiġi mxandra b’mod dirett online. Sitt sigħat wara li dawn il-persuni ttieħdu bħala ostaġġi, l-aggressur ħeles persuna waħda u żamm lit-tlieta l-oħra. Fortunatament ħadd minn dawn ma sofra ġrieħi. Hu mifhum li l-pulizija kellhom jidħlu fil-forza ġewwa is-sinagoga u s’issa għadu mhux magħruf kif miet u min kien l-aggressur.

Waqt ix-xandira li kienet għaddejja fuq Facebook, instema’ leħen ta’ raġel jgħaddat u jgħid “jqabbduni ma’ oħti bit-telefown” u “jien se mmut”. Huwa nstema’ wkoll jgħid li “hemm xi ħaġa ħażina fl-Amerika”. Fil-filmat l-ag­gressur jinstema’ jitlob għall-ħelsien ta’ Aafia Siddiqui li hija newroxjenzat Pakistana li fil-preżent qiegħda sservi sentenza ta’ 86 sena ħabs ġewwa l-Istati Uniti. Siddiqui kienet instabet ħatja li pprovat toqtol uffiċjali militari tal-Istati Uniti meta kienet fil-kustodja tagħhom ġewwa l-Afganistan.

Ekonomija

Sport