Erba’ persuni jinsabu fil-periklu li jitilfu ħajjithom wara li ntlaqtu minn sajjetta viċin il-White House. Skont ma qalu l-uffiċjali, żewġ nisa u żewġ irġiel kienu qegħdin f’Lafayette Park f’Washington DC meta nqabdu f’maltempata qawwija.
Fost l-ewwel nies li taw l-għajnuna tagħhom kien hemm membri tas-servizzi sigrieti li jaħdmu fil-binja Presidenzjali li tinsab viċin il-post fejn seħħ l-inċident. Dak il-ħin, il-persuni involuti kienu ħdejn siġra li tinsab fejn iċ-ċint li jdawwar il-kumpless tal-White House.
Uffiċjali li taw l-għajnuna tagħhom lill-persuni involuti kkonfermaw li huma ttieħdu immedjatament fi sptarijiet fil-viċin.
Jinsabu għaddejjin investigazzjonijiet ukoll biex ikun stabbilt jekk dawk involuti kinux jafu lil xulxin u x’kienu qegħdin jagħmlu qabel sfaw midrubin.
Kawża tal-inċident, parti mill-Park tħalla magħluq għall-pubbliku sakemm is-servizzi tal-emerġenza setgħu jkomplu bil-ħidma tagħhom.