Thursday, February 26, 2026

Erba’ proġetti Maltin jiksbu r-rikonoxximent tal-European Innovative Teaching Award 2025

Aqra wkoll

Diversi inizjattivi Maltin ġew magħżula għall-premju prestiġjuż European Innovative Teaching Award (EITA) 2025, inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tirrikonoxxi proġetti eċċellenti ffinanzjati taħt il-programm Erasmus+ madwar l-Ewropa. L-aġenzija Maltija tal-Programmi tal-UE (EUPA) ħabbret li Malta ġiet rappreżentata b’erba’ proġetti distinti li jkopru oqsma differenti tal-edukazzjoni.

L-edizzjoni 2025 iffokat fuq it-tema “Citizenship Education – Participation in Democratic Life, Common Values and Civic Engagement”, li tenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni attiva, il-ħsieb kritiku u t-tisħiħ tal-valuri Ewropej fost studenti u parteċipanti ta’ kull età.

Il-proġetti Maltin li ġew rikonoxxuti huma:

  • “Let’s Change the Pace” – The European Network of Parents of LGBTI+ Persons fil-qasam tal-Edukazzjoni tal-Adulti;
  • “Staff Training Experience 2024” – PA Holdings Ltd fl-Edukazzjoni u Kura tat-Tfal fil-Bidu tal-Ħajja; 
  • “Blooming Schools” – BirdLife Malta fl-Edukazzjoni fl-Iskejjel; u
  • “Beyond Capital” – The Maltese Italian Chamber of Commerce fil-qasam tal-Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali (VET). 

Dawn il-proġetti juru impenn qawwi lejn metodi ta’ tagħlim innovattiv, ambjenti inklużivi u tisħiħ tal-kompetenzi ċiviċi u intraprenditorjali, filwaqt li jikkontribwixxu għal soċjetà aktar parteċipattiva.

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, stqarr li dan ir-rikonoxximent huwa xhieda ċara tal-kwalità u l-viżjoni tas-settur edukattiv Malti. Huwa qal li dan l-unur Ewropew jikkonferma li l-investiment fil-programm Erasmus+ qed iwassal għal riżultati ta’ valur miżjud għas-soċjetà Maltija. Sostna li l-edukazzjoni hija pedament ewlieni biex jinbnew ċittadini attivi u responsabbli li jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-ħajja demokratika, u li permezz tal-Fondi Ewropej qed jinħoloq spazju akbar għall-innovazzjoni, l-inklużjoni u l-kwalità fit-tagħlim.

Il-Kap Eżekuttiv tal-EUPA, Raphael Scerri, qal li l-għażla ta’ dawn il-proġetti hija riflessjoni tal-impenn u l-professjonalità tal-organizzazzjonijiet Maltin. Huwa sostna li l-European Innovative Teaching Award (EITA) jagħraf proġetti li mhux biss huma ta’ kwalità għolja, iżda li jħallu impatt reali u sostenibbli fuq il-komunitajiet tagħhom, u li dan ir-rikonoxximent juri kemm Malta qed tuża b’mod effettiv l-opportunitajiet tal-Erasmus+ biex tissaħħaħ il-kwalità tat-tagħlim u l-impenn ċiviku.

Il-Ministeru jifraħ lill-organizzazzjonijiet kollha involuti u jħeġġeġ aktar istituzzjonijiet sabiex japprofittaw mill-opportunitajiet offruti mill-programmi Ewropej, sabiex flimkien inkomplu nsaħħu l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-valuri komuni Ewropej f’pajjiżna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport