Is-Sibt infetaħ is-siparju għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Kampjonat tad-Dinja tas-Snooker tal-Federazzjoni Dinjija tas-Snooker (WSF) li qed isir f’Sofia, il-Bulgarija. Is-seba’ plejers Maltin li qed jieħdu sehem f’din l-edizzjoni kollha lagħbu l-ewwel logħba tagħhom tal-gruppi. F’dan l-ewwel jum kienu, Brian Cini, Chris Peplow, Xavier Rizzo u Alex Borg li rebħu l-konfront tagħhom.
Kemm Brian Cini kif ukoll Chris Peplow kellhom rebħiet faċli ta’ 3-0. Cini kontra l-Pollakk, Sebastian Milewski, fl-ewwel frame wettaq break ta’ 88 punt u kważi ddomina f’kull frame biex rebaħ b’dawn il-punteġġi, 92(88)-09, 89-2, 65-59. Peplow kien fil-kmand assolut f’kull frame kontra Michael Davids tal-Afrika t’Isfel u fit-tielet wieħed għalaq il-logħba bi break ta’ 51 punt. Huwa rebaħ b’dawn l-iskors, 60-2, 60-13, 84(51)-0.
Iż-żgħażugħ Xavier Rizzo, li aktar kmieni din il-ġimgħa, f’Sofia kiseb riżultat prestiġjuż meta spiċċa mal-aħħar 16 waqt il-Kampjonat tad-Dinja tal-Juniors, beda wkoll l-impenji tiegħu b’rebħa. Huwa għeleb liż-żgħażugħ mill-Latvja, Mareks Cipsts, 3-1. Rizzo mill-ewwel fetaħ vantaġġ ta’ żewġ frames iżda l-avversarju tiegħu naqqas id-distakk qabel ma Rizzo għalaq il-konfront fir-raba’ frame. Huwa rebaħ b’dawn il-punteġġi, 56-48, 63-23, 37-59, 68-56.
Il-veteran Alex Borg kiseb ir-raba’ rebħa Maltija meta għeleb lil Vasilije Pešić tas-Serbja, 3-2. Borg ma setax ikollu bidu aħjar wara li rebaħ l-ewwel żewġ frames u wettaq żewġ breaks ta’ 70 u 66 punt. Is-Serb reġa daħal sew fil-logħba wara li rebaħ iż-żewġ frames suċċessivi iżda fil-frame deċiżiv Borg reġa kien iffokat u wara li wettaq mini break ta’ 22 punt huwa kien aktar komdu biex għalaq il-konfront favurih. Borg rebaħ b’dawn l-iskors, 70(70)-23, 91(66)-0, 14-71, 51-53, 61-18.
It-tliet plejers l-oħra tilfu l-konfront tagħhom. Aaron Busuttil ma setax ikollu bidu aħjar wara li rebaħ l-ewwel frame fejn fih għamel break ta’ 75 punt iżda l-Ingliż, Kaylan Patel rebaħ tliet frames infila biex dawwar ir-riżultat.
Kemm Joseph Casha kif ukoll Chris Camilleri tilfu l-konfront tagħhom 3-0. Huma ġew megħluba mit-Tajlandiż, Nattanapong Chaikul u l-Ingliż, Billy Castle rispettivament.
Il-Ħadd, Chris Peplow, Alex Borg u Chris Camilleri m’għandhom l-ebda logħob filwaqt li l-erba’ plejers Maltin l-oħra, fit-tieni jum ta’ kompetizzjoni, ser jilgħabu kif ġej:
| 09:00 | Grupp I | Brian Cini | vs | Aidan Murphy (Ingilterra) |
| 11:00 | Grupp Q | Aaron Busuttil | vs | Mostafa El Younsi (Marokk) |
| 15:00 | Grupp AE | Xavier Rizzo | vs | Marcos Dayao (Ingilterra) |
| 19:00 | Grupp F | Joseph Casha | vs | Thiru Siva (Ingilterra) |

