Erba’ irġiel Sirjani ġew arrestati wara li kienu involuti f’argument fejn intużaw xi injam u ħadid.
Dan seħħ ilbieraħ għall-ħabta ta’ 11.45p.m. fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi.
Tlieta minn dawn il-persuni, tnejn ta’ 23 sena u ieħor ta’ 20 sofrew xi ġrieħi u wara li ġew assisti minn tim mediku fuq il-post, ittieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Żagħżugħ ieħor ta’ 18-il sena ma sofra ebda ġrieħi.
Aktar tard ir-raġel ta’ 20 sena ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi, filwaqt li t-tnejn l-oħra sofrew ġrieħi ħfief.
L-erba’ persuni ġew arrestati u qed jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.