Sunday, December 22, 2024

Erba’ snin ħabs fuq serqa minn ħanut tal-mobiles f’Birkirkara

Aqra wkoll

Hamdi Habib Mohammed Shedi, Tuneżin ta’ 35 sena, intbagħat erba’ snin priġunerija wara li nstab ħati li seraq €600 minn ħanut tal-mobiles f’Birkirkara.

Il-każ seħħ fit-22 ta’ April 2020, għall-ħabta tas-6.30 p.m. fi Triq Dun Gejtano Mannarino, x’ħin il-Pulizija kienu infurmati b’raġel li daħal jisraq f’ħanut u li kien armat b’sikkina.

Mill-filmati tas-CCTV deher wiċċ il-persuna u f’Lulju kienet daħlet informazzjoni dwar min seta’ kien dan il-persuna. Shedi kien arrestat u nġieb minn ġewwa l-ħabs minħabba każ ieħor li kien għaddej fuqu. 

Waqt l-interrogazzjoni, huwa ċaħad li kien involut b’xi mod fil-każ. Qalilhom li kien qiegħed jgħix f’vettura fejn kien ipparkjat fi Triq il-Vittmi f’Birkirkara li hija madwar ħames minuti mixi minn fejn seħħet is-serqa. 

Fil-Qorti xehed ukoll ir-raġel li dakinhar li seħħ il-każ kien qed jaħdem f’dan il-ħanut. Huwa qal li kien qed jagħlaq il-ħanut meta sab ma wiċċu raġel b’sikkina f’idu u beda jgħajjat biex jagħtih il-flus. 

Kompla jgħid li tah madwar €600 u wara ħareġ ‘il barra. Huwa għaraf lill-imputat fl-awla u anke minn leħnu meta tkellem fil-Qorti. 

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo qalet li ħareġ biċ-ċar li l-imputat kien involut f’din is-serqa aggravata. Qalet li għalkemm hemm prova ta’ immaġni tal-aggressur fil-mument li seħħet is-serqa, ix-xhieda tal-vittma tkompli ssaħħaħ il-ħsieb tal-Qorti dwar l-involviment tal-imputat f’din is-serqa.

Min-naħa l-oħra, il-Maġistrat Farrugia Frendo qalet li l-verżjoni tal-imputat ma tantx kienet konvinċenti meta qal li kien post ieħor, il-Marsa, u mhux Birkirkara waqt li kien qed iseħħ ir-reat. 

Kien għalhekk li l-Qorti sabitu ħati għall-akkużi ta’ serq, li żamm persuna kontra l-volontà tagħha, li kellu sikkina fil-pussess tiegħu u li sar reċediv, u kkundannatu piena ta’ erba’ snin priġunerija effettivi. 

Il-Qorti ordnat ukoll il-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma għall-perjodu ta’ sena. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Fabian Fleri u l-Ispettur Lydon Zammit. 

Ekonomija

Sport