Sunday, November 24, 2024

Erba’ snin ħabs għal raġel li daħal Malta b’200 gramma kokaina fil-qalziet ta’ taħt

Aqra wkoll

Olandiż ta’ 38 sena kien ikkundannat erba’ snin u nofs ħabs wara li ammetta li f’Settembru tal-2022 importa d-droga kokaina f’Malta.

Melvin Roberto Nunes kien arrestat fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mal-wasla tiegħu b’titjira minn Brussell.

Fuq Nunes kien instab pakkett żgħir bil-kannabis, li qal li kien għall-użu personali tiegħu, iżda minn aktar tfittxijiet instabu mal-200 gramma kokaina fil-qalziet ta’ taħt, imwaħħla bit-tape mal-parti privata tiegħu.

Fil-Qorti, huwa ġie akkużat b’importazzjoni, traffikar u pussess tal-kokaina fost oħrajn. Għall-ewwel huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi, iżda aktar tard ammetta.

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras ikkunsidrat iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, fejn l-akkużat kien daħħal f’Malta mal-200 gramma kokaina b’purità ta’ madwar 35% u b’valur fis-suq ta’ €12,710.

Barra minn hekk, il-Qorti nnutat ukoll l-istqarrija tal-akkużat minn fejn jirriżulta li din ma kinitx l-ewwel darba li huwa kien importa l-kokaina f’pajjiżna. Fil-fatt, minn dak li qal l-akkużat, fix-xhur ta’ qabel huwa kien importa darbtejn l-istess sustanza li kellha l-istess piż u bl-istess mod.

Min-naħa l-oħra, ittieħed kunsiderazzjoni tal-fatt li l-akkużat kien ukoll ikkopera mal-pulizija.

Il-Qorti kkundannat lil Nunes għal piena ta’ erba’ snin priġunerija effettivi u multa ta’ €7,000. Huwa kien ordnat biex iħallas l-ammont ta’ €5,874 fi spejjeż tal-esperti fi żmien xahar.

Sport