L-aħwa George u Alfred Degiorgio kienu kkundannati erba’ snin ħabs oħra u mmultati €25,000 kull wieħed wara li nstabu ħatja ta’ akkużi relatati ma’ ħasil ta’ flus u li kienu riċedivi.
L-aħwa Degiorgio bħalissa qed jiskontaw sentenza ta’ 40 sena priġunerija wara li kienu ammettew l-involviment tagħhom fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017.
Dwar il-każ ta ħasil ta’ flus, flimkien mal-aħwa Degiorgio tressqet ukoll Anca-Adelina Pop, li tiġi s-sieħba ta’ George Degiorgio, li iżda ma nstabitx ħatja tal-akkużi minħabba nuqqas ta’ provi.
F’dan il-każ xehdu b’kollox 63 xhud. L-Ispettur Antonovitch Muscat qal li wara li kienu tressqu l-Qorti tliet persuni, fosthom l-aħwa Degiorgio, b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia, il-pulizija kienet irċeviet informazzjoni kunfidenzjali u anke kien hemm xi artikli fil-midja li dawn il-persuni kellhom xi assi li ma kinux jirriflettu l-ħajja finanzjarja u ekonomika li kienu jmexxi.
Għalhekk tnediet investigazzjoni finanzjarja fil-konfront tagħhom. Eventwalment din l-investigazzjoni estendiet ukoll għas-sieħba ta’ George Degiorgio, li hija ta’ nazzjonalità Rumena.
Mill-informazzjoni li ġabret il-pulizija, irriżulta li George għandu kont mal-Bank Of Valletta li kien ilu inattiv u ma joperax mill-2005. Irriżulta li bejn l-2013 u Ottubru tal-2017, George Degiorgio għadda €25,273 barra minn Malta permezz ta’ Western Union.
Bejn Awwissu 2013 u Lulju 2016 għadda lis-sieħba tiegħu s-somma ta’ €17,700 ġewwa r-Rumanija. Huwa kien għadda wkoll is-somma komplessiva ta’ aktar minn €7,000 lil tliet persuni oħra.
Mill-informazzjoni minn Jobs Plus irriżulta li l-aħħar impjieg tal-imputat George Degiorgio huwa ta’ bejn l-1982 u l-1983 fejn kien irreġistrat bħala ‘labourer building construction worker.’
Huwa kellu wkoll reġistrati f’ismu vetturi Audi A4, Mitsubishi L20 u BMW320D. Irriżulta wkoll li għandu opra tal-baħar bl-isem ta’ DUCU. Ix-xhud qal li George Degiorgio ma jidhirx la reġistrat u lanqas involut skont ir-reġistru tal-kumpaniji f’Malta u lanqas irriżulta li għandu propjetà mmobbli f’ismu. Degiorgio mhuwiex reġistrat għal skopijiet ta’ taxxa mad-Departiment tal-Inland Revenue u rriżulta wkoll li qatt ma rċieva u lanqas kien qed jirċievi l-ebda benefiċċji, pensjonijiet jew allowances taħt l-Att tas-Sigurtà Soċjali.
Rigward Anca-Aelina Pop, intqal li din hija mniżżla bħala ‘unemployed’ imma fl-inward transactions fil-kont tagħha magħmulin bħala cash deposits jidhru li figuri ta’ €3,000, €2,000 u €1,000 ‘l hemm u ‘l hawn. Intqal li hija għaddiet total ta’ €38,450 barra minn Malta, bil-maġġoranza tagħom jgħaddu lil ommha.
Dwar Alfred Degiorgio, ix-xhud spjega li l-imputat kien għadda €5,806 lil persuna oħra fl-Awstralja. Huwa kellu wkoll Mercedes Benz, Kia Avella u BMW320 u kellu vettura tal-baħar bl-isem ta’ Maya.
Rigward il-casinos, ix-xhud ippreżenta l-ammont ta’ flus li kien qed jilgħab bihom Alfred Degiorgio. Dan ma kienx jinkludi r-rebħ. Jekk wieħed jara t-turnover kollu (rebħ u telf), l-ammont kien jitla’ għal nofs miljun ewro.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud innotat li l-Prosekuzzjoni ma kienet ġabet l-ebda prova ta’ xi ness bejn xi attività kriminali u l-flus li Pop kellha. Il-fedina penali tagħha hi waħda netta u ma jirriżulta li hi ġiet investigata jew b’xi mod hemm xi indikazzjoni mqar remota li hija setgħet kienet qed tieħu sehem f’attivitajiet ta’ natura kriminali.
“Lanqas ma nġabet prova li remotament hija kienet konxja tal-attivitajiet ta’ natura kriminali li seta’ kien involut fihom is-sieħeb tagħha. Il-fatt li hija kellha bħala sieħeb tagħha persuna li fuqu kellu certu dellijiet mhux sbieħ u kienet ilha f’din ir-relazzjoni għal aktar minn disa’ snin ma tammontax għall-prova sufficjenti tan-ness rikjest bejn l-attività kriminali u l-finanzi a disposizzjoni tal-imputata,” qalet il-Qorti.
Fit-tieni, hija ġabet numru ta’ provi li jispjegaw ċar minn fejn ġew il-flus, hekk kif kellha ammont ta’ flus f’idejha riżultat tal-ftehim ta’ divorzju li sar mal-eks raġel tagħha.
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-aħwa Degiorgio, il-Qorti qalet li dawn kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom ammont sostanzjali ta’ assi u flejjes. Mill-provi mressqa ma rriżultat l-ebda spjegazzjoni plawsibbli kif dawn spiċċaw għandhom.
“Apparti minn hekk mill-atti jirriżulta wkoll li l-aħwa Degiorgio xilfu idejhom mal-ġustizzja kemm-il darba u ma kinux ucuħ ġodda għall-għatba tal-Qorti. Dan kollu fil-fehma ta’ din il-Qorti huwa bizzejjed biex jindika fuq bazi ta’ prima facie li l-assi/flejjes li kellhom a disposizzjoni l-aħwa Degiorgio setgħu kienu provenjenti minn attivitajiet kriminali li t-tnejn li huma setgħu kienu involuti fihom,” qalet il-Qorti li nnotat kif l-aħwa baqgħu siekta f’dawn il-proċeduri u ma ppreżentaw l-ebda prova biex turi l-provenjenza leċita tal-assi/flejjes li kellhom.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li filwaqt li lliberat lil Pop mill-akkużi kontriha, sabet ħtija fil-konfront tal-aħwa Degiorgio u kkundannathom erba’ snin priġunerija effettivi kull wieħed flimkien ma’ €25,000 multa.
Aktar minn hekk, il-Qorti ordnat il-konfiska tal-vettura Merdeces u d-dgħajsa Maya proprjetà ta’ Alfred Degiorgio u l-vettura Audi u d-dgħajsa Ducu proprjetà ta’ Georgio Degiorgio. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska ta’ Corvette C7 li għalkemm kienet reġistrata fuq Pop, din kienet fil-kontroll ta’ George Degiorgio. “Dawn kollha qegħdin jiġu kkonfiskati minħabba li jirriżulta li dawn ġew akkwistati b’fondi lleċti,” tenniet il-Qorti.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Lianne Bonello.