Somalu kien ikkundannat erba’ snin ħabs wara li nstab ħati li ġera wara mara, qabadha minn għonqha u stupraha fi tmiem il-Karnival tan-Nadur ta’ sentejn ilu. Dan kien każ li ħalla effett negattiv immens fuq il-vittma tant li kellha bżonn għajnuna psikoloġika minħabba t-trawma li sofriet riżultat ta’ din l-aggressjoni.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, bagħtet messaġġ b’saħħtu illi persuna għandu jkollha s-serħan tal-moħħ li hija tista’ timxi fit-toroq ta’ pajjiżna b’mod sigur u għalhekk minbarra l-piena karċerarja effettiva, ordnat lill-ħati sabiex jikkompensa lill-vittma tat-trawma li huwa għaddieha minnha.
Il-każ seħħ fid-19 ta’ Frar 2023, għall-ħabta tat-3.00 a.m., meta l-mara kienet miexja lejn il-vettura tagħha wara li spiċċa l-Karnival tan-Nadur. Il-vittma kienet xehdet li persuna ta’ karnaġġjon skur kien mar fuqha u saqsieha fejn kienet il-vettura tagħha.
Hija weġbitu biex iħallieha waħedha għax inkella kienet se ċċempel lill-Pulizija. Tgħid li dan ir-raġel beda jiġri warajha, ħatafha minn għonqha u għafasha mal-vann, b’ġismu kollu kien fuqha. Hija bdiet tgħajjat mal-ewwel.
Tgħid li huwa beda jagħfas wiċċha bil-maskra u jżomm ħalqha biex hija ma tgħajjatx. Hija bdiet tigdmu u tagħtih bis-sieq. Kompliet tispjega li f’ħin minnhom huwa beda jmissha kullimkien, qattgħalha t-tights, għolla l-libsa u daħħal subgħajh u idejh fil-parti tagħha. Il-vittma qalet li rnexxielha tigdmu f’idejh il-leminija, in-naħa tal-polz. F’dan il-ħin għaddew xi nies u r-raġel ħarab jiġri minn fuq il-post.
Il-Ħadd filgħaxija, ix-xhud reġgħet marret in-Nadur din id-darba mar-raġel tagħha fi sforz sabiex tara tilmaħx lill-aggressur tagħha peress li wiċċu kien għadu ċar f’moħħha. Hija għamlet ukoll rapport mas-Surġenta u minn hemm marret l-Isptar Ġenerali t’Għawdex sabiex tiġi eżaminata.
Il-vittma kienet iddeskriviet lill-aggressur tagħha bħala raġel twil, mibni u bi ftit żaqq. Huwa kellu goatie, xagħru qasir u kellu karnaġġjon skur. Spjegat li hija tikkalkula li kellu 40 sena u kien liebes ġakketta skura u flokk kannella.
Il-Pulizija komplew bl-investigazzjonijiet tagħhom sakemm f’Marzu 2023, l-Ispettur Gauci kien għamel kuntatt magħha u infurmaha li kienu identifikaw is-suspettat. Hi marret l-Għassa fejn ġiet murija disa’ ritratti ta’ disa’ persuni u hi identifikat lill-aggressur tagħha.
Fil-kontro-eżami, meta kienet mistoqsija x’kienet ir-raġuni għalfejn damet kważi 20 siegħa biex tagħmel ir-rapport, hija wieġbet li l-prijorità tagħha dak il-ħin kienet li tmur lura d-dar f’ambjent sikur. Qalet li hija kienet qalet lir-raġel tagħha b’dak li kien ġara u dakinhar stess iddeċidiet li tmur tagħmel ir-rapport.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li ma kellhiex dubju mill-veraċità ta’ dak li xehdet il-parte civile. Qalet ukoll li wara li fliet fid-dettall il-provi kollha miġbura ma kellha l-ebda dubju li l-aggressur ma kien ħadd ħlief l-imputat.
Dan anke minħabba l-fatt li l-parte civile stess kienet identifikat lill-istess imputat meta saret il-photo parade fl-Għassa tar-Rabat, Għawdex fl-istess waqt li fix-xhieda tagħha hija kienet stqarret li l-Ħadd filgħaxija kienet marret in-Nadur proprju biex tara tilmahx lill-aggressut tagħha għax “wiċċu baqa’ stampat f’moħha.”
Fil-kunsiderazzjonijiet dwar il-piena, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, qalet li għalkemm l-imputat ma kellux fedina penali ħoxna ktieb u kien instab ħati biss ta’ reati kontravvenzjonali, ma setgħetx tinjora s-serjetà tal-imputazzjonijiet li tagħhom huwa sejjer jinstab ħati, li huma fil-maġġor parti kbira tagħhom reati ta’ natura sesswali, kif ukoll iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ dan il-każ.
“Dan kien każ fejn kellek mara li kienet għaddejja waħedha għall-affari tagħha u li intortament sfat attakkata mill-imputat li jidher li għamel l-arja magħha għax kienet waħedha,” qalet il-Qorti.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti sabet lill-imputat ħati ta’ stupru, li wettaq att ta’ natura sesswali fuq il-vittma mingħajr il-kunsens tagħha, li żammha kontra l-volontà tagħha u kkaġunalha ġrieħi ħfief, li offenda l-pudur jew il-moral b’għemil li sar f’post pubbliku u li qal kliem oxxen fil-pubbliku.
Huwa kien ikkundannat erba’ snin priġunerija effettivi filwaqt li kien ordnat biex iħallas lill-vittma l-ammont ta’ €5,000 f’kumpens għall-ħsara morali jew psikoloġika li kkaġunalha b’riżultat tar-reati kommessi minnu fil-konfront tagħha.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin fil-konfront tal-ħati u dan sabiex tipprovdi għas-sigurtà tal-vittma.
L-ordni qed tiġi magħmula għal żmien tliet snin, bil-Qorti tfiehem lill-ħati bil-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw jekk huwa jikser tali ordni.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci flimkien mal-Avukat Angele Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.