Saturday, December 21, 2024

Erba’ snin ħabs wara li xehed falz quddiem Maġistrat

Aqra wkoll

Raġel ta’ 35 sena minn Ħaż-Żabbar kien ikkundannat erba’ snin ħabs wara li ammetta li xehed falz quddiem Maġistrat.

Brandon Luke Meilaq kien mixli li nhar l-1 ta’ Diċembru 2015 ta xhieda falza quddiem il-Maġistrat (illum Imħallef) Neville Camilleri fil-kawża li l-Pulizija fetħet kontra Freddie Delia. 

Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, Meilaq wieġeb ħati għall-akkużi li nġiebu kontra tiegħu u skuża ruħu ta’ għemilu. 

Il-Qorti rat ukoll il-pre sentencing report li sar fil-konfront tiegħu li minnu jirriżulta li Meilaq għandu każ ieħor pendenti relatat ma’ serq. Irriżulta wkoll li huwa wettaq dan ir-reat inkwistjoni minħabba li kien qed jinkwieta għal familtu. Apparti minn hekk, intqal li sakemm daħal il-ħabs, huwa kien qed jirriżulta pożittiv għall-kokaina u l-eroina, liema vizzju ilu bih għal żmien twil. 

“L-imputat waqt iż-żmien tar-reat kien ibati mil-vizzju tad-droga u li f’dak iż-żmien ma kellux impjieg u spiċċa f’ċiklu vizzjuż fejn kien qed jirrikorri għall-kriminalità u jisraq sabiex imanti lilu nnifsu inkluż il-vizzju tieghu. B’konsegwenza ta’ dan kien gie mitlub sabiex jaghti x-xhieda tiegħu f’kawża relatata izda sabiex ma jesponix lill-familtu għal aktar inkwiet wettaq l-isperġur,” qalet il-Qorti. 

Fuq ammissjoni tiegħu stess, il-Qorti sabet lil Meilaq ħati tal-imputazzjonijiet kollha miġjuba kontrih u kkundannatu għal piena ta’ erba’ snin priġunerija li minnhom għandhom jitnaqqsu dawk li diġà skonta taħt arrest preventiv. 

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Daryl Borg.

Ekonomija

Sport