Bħal-lum erba’ snin ilu, l-Ewropa nħasdet meta r-Russja, bla ebda provokazzjoni ta’ xejn, invadiet pajjiż ġar tagħha u sovran, l-Ukrajna. Minn dakinhar, il-gwerra ma waqfitx b’tant imwiet ta’ kuljum f’suldati miż-żewġ naħat u anke saħansitra nies ċivili fosthom nisa, tfal u anzjani.
Ħadd ma kien jobsor jew qed jistenna li 78 sena wara tmiem il-flaġell tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-kontinent Ewropew kien se jerġa’ jgħaddi minn gwerra oħra daqstant devastanti u krudili. U dan kollu meta kien maħsub li t-Tieni Gwerra Dinjija kellha tkun il-gwerra li ttemm il-gwerer kollha fl-Ewropa.
Il-gwerra li llum għalqet erba snin bdiet bl-invażjoni illegali tal-Ukrajna mir-Russja ġabet magħha konsegwenzi serji soċjali u ekonomiċi li wasslu għal kriżijiet fis-settur tal-enerġija u inflazzjoni qawwija tal-prezzijiet fil-kontinent Ewropew u lil hinn ukoll.
Bla dubju dan il-kunflitt armat ħoloq tbatija bla bżonn fuq miljuni ta’ nies. Mhux biss imma wkoll wassal għall-ispustament ta’ miljuni ta’ Ukreni li bla ma riedu ġew imġiegħla jitilqu minn pajjiżhom u jfittxu kenn f’pajjiżi oħra.
F’ebda gwerra ma jkun hemm rebbieħ. Ikun hemm biss telliefa. Mhux talli hekk. Talli jkun hemm pajjiżi li ma jkollhomx x’jaqsmu mal-kunflitt isibu ruħhom b’xi mod milqutin huma ukoll. Pajjiżna hekk ġralu meta ntlaqat ukoll, għalkemm forsi mhux daqs pajjiżi oħra. Il-poplu ta’ pajjiżna skansa ħafna mit-tbatija speċjalment dik ekonomika għax kellu Gvern għaqli li żamm il-finanzi fis-sod.
Kieku l-Gvern ma ssussidjax l-għoli tal-prezzijiet tal-enerġija u xi drabi anki l-prezzijiet tal-ikel kieku ħafna familji mhumiex jgħixu l-ħajja li qed jgħixu llum.
Minbarra dan, għax ġeneruża, Malta laqgħet għadd ta’ Ukreni u offritilhom l-għajnuna u s-solidarjetà kollha li kienu jeħtieġu fil-mument tal-bżonn. Pajjiżna għen ukoll b’metodi oħra biex itaffi kemm jista’ jkun il-ħruxijiet li l-poplu Ukren kien u għadu qed jaffaċċja. U dan pajjiżna wettqu b’għajnuniet materjali u finanzjarji, kiif wiegħed ukoll li se jkompli jagħmel dan.
F’dan il-kuntest, pajjiżna ħadem bis-sħiħ fi ħdan il-komunità internazzjonali biex tinkiseb paċi dejjiema fir-reġjun. Mhux biss imma wkoll kien fost il-protagonisti fl-Unjoni Ewropea li ma ħallewx il-kunflitt ikompli jiskala meta vvutat kontra li assi sovrani Russi jiġu użati għall-Ukrajna meta r-Russja kienet diġà heddet li tirritalja bis-sħiħ jekk l-assi tagħha jiġu minsusa.
Fuq kollox iżda, aktar ma tinstab soluzzjoni malajr li ttemm din il-gwerra, aktar ikun jaqbel għall-Ewropa kollha kemm hi u anki għal pajjiżna li huwa parti minnha.

