Thursday, March 26, 2026

ERBA’ SNIN TA’ TKOMPLIJA TA’ KISBIET

Aqra wkoll

Erba’ snin ilu bħal-lum, pajjiżna kien fi proċess ta’ elezzjoni ġenerali fejn il-poplu ġie msejjaħ biex b’mod demokratiku jeleġġi l-Gvern ġdid li ried li jmexxih għal ħames snin. Ir-riżultat ta’ din l-elezzjoni kien irregala rebħa storika oħra għall-Partit Laburista li baqa’ jżomm maġġoranza konsistenti b’distakk li f’din l-elezzjoni wkoll kien jiżboq id-39,000 vot. 

Din ir-rebħa għall-Partit Laburista kienet tfisser ukoll l-ewwel mandat sħiħ li l-poplu ta lil Robert Abela bħala Prim Ministru, fejn il-Gvern immexxi minnu minnufih imbarka fuq it-twettiq tal-wegħdiet elettorali kif imfassla fil-manifest “Malta Flimkien.” Proposti li wħud minnhom għadhom fil-proċess li jiddaħħlu qabel tintemm din il-leġiżlatura.

Bla dubju, dawn l-aħħar snin se jibqgħu mmarkati għall-ħidma importanti fil-qasam soċjali favur in-nies f’mumenti ta’ sfidi ekonomiċi globali internazzjonali. Il-Gvern ta’ Robert Abela kompla jkun gvern ta’ kontinwità, jibni fuq il-ħafna tajjeb li diġà nkiseb mill-2013 ’il hawn.

Tul dawn l-aħħar snin, l-investiment soċjali kien bla preċedent, b’żidiet fil-pensjonijiet u lill-familji permezz taċ-children’s allowance, introduzzjoni addizzjonali tal-mekkaniżmu għall-għoli tal-ħajja, it-tkomplija tas-sussidju fuq il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils u ċereali, għajnuniet lill-persuni b’diżabilità, għajnuniet diversi lill-ħaddiema fosthom l-in-work benefit u anke ż-żieda fil-paga minima nazzjonali u tnaqqis sostanzjali fit-taxxa.

Dan kollu seta’ jsir għaliex Gvernijiet Laburisti bnew ekonomija b’saħħitha u reżijenti li setgħet tipprovdi għal żieda qawwija fl-impjiegi u tnaqqis sostanzjali fil-qagħad u titjib fil-livell tal-għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. 

Dawn l-aħħar snin komplew jinkisbu riżultati mill-aktar pożittivi mhux biss f’dak li jirrigwardja tkabbir ekonomiku imma wkoll riżultati li kienu jiżbqu dak li kien qed jiġi mbassar sew lokalment u anki fil-livell ta’ Unjoni Ewropea. 

Il-Gvern preżenti mar ukoll oltre minn hekk meta introduċa għadd ta’ riformi fosthom it-tisħiħ fil-liġi tal-IVF, riformi li taw aktar libertajiet ċivili u oħrajn magħhom li kienu ta’ benefiċċju għall-ħaddiema u l-familji.

Ma nistgħux ninjoraw il-politika ambjentali li qed jadotta l-Gvern li qed twassal ukoll mhux biss għal riġenerazzjoni imma wkoll għall-bini mill-ġdid ta’ spazji miftuħa u ġonna li l-kulminu tagħhom huwa l-aħbar ta’ dawn l-aħħar jiem li Manoel Island, il-White Rocks, il-Forti Campbell, Forti Tigné u Forti San Salvatur se jerġgħu jkunu tal-poplu. 

Fuq kollox iżda, il-Gvern qiegħed iħares fit-tul għal pajjiżna u dan qiegħed jagħmlu bil-Viżjoni Malta 2050 li hi ffokata fuq is-sostenn tal-ekonomija li hi xprunata mill-għarfien, l-ispeċjalizzazzjoni u l-allinjament aħjar mal-industriji tal-futur.

Jgħidu x’jgħidu dawk li huma motivati minn politika partiġġjana, jibqa’ fatt li din il-Viżjoni se tiżgura li t-tkabbir ekonomiku jissarraf f’opportunitajiet għal kulħadd, snin itwal ta’ ħajja b’saħħitha u sana, dħul aħjar u kwalità ta’ ħajja aktar vibranti. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport