Saturday, March 21, 2026

“Erba’ Staġuni f’Jum Wieħed” — Sfida estrema għall-parteċipanti Maltin fil-Queen Stage tal-Absa Cape Epic

Aqra wkoll

Il-Queen Stage tal-Absa Cape Epic — meqjusa b’mod ġenerali bħala l-“vera” Queen Stage 5 — offriet wieħed mill-aktar jiem diffiċli li dehru fl-aħħar edizzjonijiet. Minn Greyton sa Stellenbosch, din l-istage għaqqdet distanza estrema ma’ tluq kontinwu, u mill-ewwel tat indikazzjoni ċara ta’ x’kien se jsegwi.

Kif kien antiċipat minn Stephen Grima ta’ Team Gaudos, l-istadju tallum kienet iebsa u bla ħniena, fejn il-parteċipanti kellhom jinnavigaw rotta ta’ trails diffiċli qabel m’għaddew mill-Gantouw Pass. Kull sens ta’ serħan waqt l-inżul kien temporanju, hekk kif it-telgħa imponenti ta’ Lourensford Nek fil-bażin tal-Helderberg ipprovdiet test finali u deċiżiv ta’ resiljenza.

L-ewwel tim Malti li spiċċa llum kien Team Gaudos (Stephen Grima / Brandon Sultana), li offrew prestazzjoni soda u kkontrollata fl-aktar parti iebsa tat-tellieqa — il-Queen Stage. Minkejja puncture kmieni fit-tellieqa, irnexxielhom jidħlu f’ritmu tajjeb fejn saħansitra jaqbżu lil Epic Team Deloitte madwar il-50km. Hekk kif in-natura bla waqfien tar-rotta tallum bdiet tħalli l-effett tagħha, problemi fin-nutrizzjoni fl-aħħar 10 kilometri affettwaw il-pass tagħhom. Madankollu, sabu s-saħħa biex ikomplu sal-aħħar u temmew l-istadju li tassew uriet għaliex hija meqjusa bħala l-aktar waħda diffiċli fit-tellieqa.

“Fl-aħħar jumejn fakkarna lilna nfusna biex nibqgħu b’saqajna mal-art — ma nħallux problemi jtellfuna, iżda nieħdu kull sfida kif tiġi. Kollox jista’ jiġri hemm barra, trid biss tindirizzah u tibqa’ mentalment b’saħħtek biex iżżomm l-attenzjoni,” qal Grima.

Epic Team Deloitte (Mark Bonnici / Luke Borg) kellhom ġurnata partikolarment diffiċli, fejn kellhom jaffaċċjaw kundizzjonijiet iebsa, problemi mekkaniċi u sfidi fiżiċi tul stadju li kienet tinkludi 2,750m t’elevazzjoni.

Borg iddeskriviha bħala “waħda mill-aktar ġranet diffiċli li qatt kelli fuq mountain bike,” u enfasizza kif il-kundizzjonijiet kienu jinbidlu malajr — “erba’ staġuni f’jum wieħed” — flimkien ma’ inċident li rrikjeda attenzjoni medika u affettwa r-ritmu tagħhom. Problema oħra mekkanika wasslet għal aktar dewmien, b’madwar 25 minuta mitlufa. Meta reġgħu bdew f’kundizzjonijiet kesħin, kien diffiċli jerġgħu jsibu r-ritmu u l-enerġija, sitwazzjoni aggravata minn sfidi fin-nutrizzjoni u nuqqas ta’ provvista fil-feed stations.

Bonnici żied jgħid li l-aħħar 20 kilometru kienu partikolarment impenjattivi, b’enerġija limitata hekk kif tilfu xi pożizzjonijiet lejn it-tmiem. Meta qabbel din l-esperjenza mal-Hero Dolomites, qal li għalkemm it-tellieqa Taljana għandha aktar elevazzjoni, din ir-rotta tallum kienet aktar iebsa b’mod ġenerali, u saħansitra kienet fost l-aktar esperjenza ta’ sfida f’25 sena ta’ tlielaq.

Team Kalamba Racing (Etienne Bonello / Marie Claire Aquilina) ukoll iddeskrivew l-istage bħala test ta’ sopravivenza. Meta tkellem wara t-tellieqa tallum, Bonello qal: “Kien jum epiku. Fil-ewwel siegħa kellna xita qliel u ħassejna l-kesħa mill-ewwel. Imbagħad kelli puncture fir-rota ta’ quddiem u waqajt, u weġġajt ftit. Il-kundizzjonijiet rawna ntellqu fit-tajn – ir-roti ħadu daqqa sew, il-gears ma kinux qed jaħdmu tajjeb u lejn l-aħħar saħansitra tlift il-brejk ta’ quddiem. L-aħħar telgħa tan-Nek, wara kważi seba’ sigħat, kienet brutali u għafsitna sal-limitu. Fortunatament ħarġet ix-xemx lejn l-aħħar u rnexxielna nispiċċaw b’saħħitna, anke rnexxilena nattakkaw tim ieħor fl-aħħar parti. Spiċċajna ir-rotta tallum f’9 sigħat u 9 minuti, u jidher li qegħdin fil-20 post fil-klassifika ġenerali.”

B’dan l-istadju issa warajhom, it-tellieqa tidħol fl-aħħar fażi tagħha. Madankollu, b’żewġ stadji oħra, it-timijiet huma konxji li l-Absa Cape Epic tista’ tinbidel drastikament sal-aħħar nett.

Team Gaudos (Stephen Grima & Brandon Sultana) huma appoġġjati minn Extra Karte, Visit Malta, SG Woodworks Ltd, Raico, National Gypsum Limited Malta, Wurth Malta, Pitre Hardware, Lourdes Opticians, JV Pharma, A. Caruana Enterprises Ltd u Xlendi Supermarket.

Epic Team Deloitte (Luke Borg & Mark Bonnici) huma sponsorjati minn Deloitte, b’appoġġ addizzjonali minn Foster Clark Products, Akkura, Visit Malta u aktar appoġġ minn Nduranz, The Cyclist u Wheel Wizard.

Team Kalamba Racing (Etienne Bonello & Marie Claire Aquilina) huma sponsorjati minn Kalamba Games, b’appoġġ addizzjonali minn Garmin u Visit Malta. Il-partners tekniċi jinkludu 226ERS, Ascend Creative Studio, BBB Cycling, IDMatch Bikefit Lab, The Sports Medics, Tristar Travel u Würth.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport